“Azzjoni f’waqtha mill-Arċisqof; l-episodju seta’ ġie evitat”

Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu nnota l-azzjoni f’waqtha tal-Arċisqof Charles Scicluna fil-każ ta’ Ella, it-tifla bl-awtiżmu li f’Ġunju li għadda ma ngħatatx ċertifikat tal-preċett għax ma tqarbnitx. Fl-istess waqt insista li dan seta’ ġie evitat.

L-Arċisqof sar jaf b’dan il-każ meta ħareġ fil-midja u dritt esprima x-xewqa li jiltaqa’ mal-familja  tat-tifla.  Wara li ltaqa’ magħhom, Mons. Scicluna ħabbar li se jkun qed jiċċelebra l-Ewwel Tqarbina hu stess ma’ Ella u l-familja tagħha u li se jagħmel minn kollox biex tirċievi l-Ewkaristija bl-iżjed mod konvenjenti għaliha.

Il-Kunsill konsultattiv sostna fi stqarrija, li dan l-episodju seta’ ġie evitat. Saħaq li għandu jsir minn kollox, biex jiġi assigurat li kull persuna, anke dawk b’diżabilità, ikunu inklużi u ppreparati għal avvenimenti f’ħajjithom, kemm jekk l-Ewwel Tqarbina, eżami tal-iskola jew ġirja fil-komunità. Enfasizza li dan il-kunċett huwa obbligu legali f’kull entità f’Malta.

Filwaqt li stqarr li ma jrid jipponta swaba’ lejn ħadd, iddeskriva dan il-każ ta’ esklużjoni bħala wieħed minn ħafna. Irrimarka dwar il-ħtieġa  ta’ tħejjija bir-riżorsi li diġà jeżistu u li diġà ntużaw fil-passat.

Il-Kunsill spjega kif mill-istħarriġ tiegħu rriżulta li hemm sistemi amministrati mill-Kurja, li joffru familji u persuni b’din it-tip ta’ kundizzjoni, il-possibilità li jirċievu appoġġ biex jiġi assigurat li l-katekiżmu u l-quddiesa, kif ukoll il-preparazzjoni u s-sagrament tal-Ewwel Tqarbina jkun aċċessibbli għalihom. Fisser li dan is-servizz jingħata minn voluntiera li sejjaħ dedikati, li jikkomunikaw mal-parroċċi u l-familji, u li minn żmien għal żmien jingħataw taħriġ mill-Vatikan.

Il-Kunsill kien infurmat, li f’dan il-każ partikolari, bdew jaħsbu minn kmieni, fl-2017, biex jiġi assigurat li t-tifla tkun ippreparata fi żmien tajjeb. Iżda kompla l-Kunsill, il-każ ta’ Ella faqqa’ wara l-Ewwel Tqarbina, hekk kif it-tifla ma setgħetx titqarben minħabba li għal ħin temporanju ma setgħetx tibla’.