AX Hotels jinawguraw lukanda ġdida fi Triq il-Merkanti, Valletta

Nhar il-Ġimgħa 29 ta' Settembru, AX Hotels fetħet uffiċjalment l-ewwel lukanda boutique, The Saint John, fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Din il-lukanda mistenijja tagħti ħajja ġdida lill-bini ta’ valur storiku tas-seklu 17 u toffri kmamar lussużi mgħammra bl-aħħar teknoloġija disponibbli fuq ponot subgħajk.
The Saint John tnediet waqt avveniment speċjali, The Saint John Walk li mhux biss enfasizza l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-lukanda, iżda inkluda wkoll spettaklu tal-moda ta’ ċfuf tan-nisa li nħoloq minn kollaborazzjoni bejn il-lukanda u l-marka internazzjonali Cessani.
Iċ-Ċermen tal-AX Holdings Angelo Xuereb u d-Direttur tal-Ospitalità tal-Grupp Claire Zammit Xuereb inawguraw The Saint John Boutique Hotel, fil-preżenza ta' diversi mistednin.
Xuereb iddeskriva l-ftuħ ta' din il-lukanda bħala “ħolma oħra li saret realta’”. Huwa qal li l-AX Hotels issa qed titfa l-attenzjoni fuq il-Belt.
“Konna ilna nfittxu proprjetà tajba li tgħodd għall-portafoll tagħna għal dawn l-aħħar tmien snin! Imbagħad f'jum wieħed biss, kkonkludejna żewġ proprjetajiet li jinsabu qrib xulxin. Huwa enfasizza wkoll is-sodisfazzjon tiegħu meta ra “l-ħolma tiegħi tal-1989 timmaterjalizza, meta ppubblikajt l-ewwel Pjan Komprensiv għall-Belt Valletta, segwit minn numru ta' aġġornamenti dwar kif nistgħu ntejbu l-Belt”.