Awwissu se jkompli jaħqarna

Bosta kienu jistennew li wara li għaddew il-vaganzi tas-sajf u l-festa ta’ Santa Marija, it-temperaturi fil-gżejjer Maltin kienu se jonqsu u b’hekk is-sħana tittaffa xi ftit.

Iżda wara li lbieraħ, fil-jum tal-Ħadd, it-temperatura għoliet u s-sħana kienet tinħass l-istess, anki llum jidher li mhux se tkun wisq differenti.

Kollox jindika li Awwissu se jkompli jaħqarna hekk kif it-temperatura mistennija tkun aktar minn 32°C matul din il-ġimgħa u saħansitra mistennija li titla’ anki 36°C għada t-Tlieta fil-ħin ta’ wara nofsinhar. Filgħaxija t-temperatura mistennija tkun 24°C.

Huwa lejn l-aħħar ta’ Awwissu li s-sħana se tkun qed tittaffa xi ftit meta x’aktarx jitfaċċaw xi sħab.

Is-sħana se tkun qed tagħmel tagħha u ma niddejqu xejn infakkru li huwa rikmandat li nżommu flixkun ilma magħna jekk se nkunu qegħdin barra.