Awwissu la tarah u lanqas tmissu…imma tħossu!

​Hekk kif l-għola temperatura mistennija li tkompli tiżdied fil-jiem li ġejjin, id-Diviżjoni tas-Saħħa qed tenfasizza dwar l-importanza li wieħed jixrob iktar mis-soltu.
Fi stqarrija, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard isostni li t-temperaturi għoljin jikkaġunaw aktar telf ta’ ilma mill-ġisem, li jista’ jirriżulta f’li wieħed jixxotta (dehydration).  
Jisħaq li s-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda l-aktar li jistgħu jiġu affettwati huma l-anzjani, it-trabi, it-tfal żgħar, persuni li qed ibatu minn xi kundizzjoni kronika jew dawk li huma attivi ħafna. 
Biex wieħed jevita dawn l-effetti, huwa importanti li jevita li joħroġ bejn il-11am u l-4pm, joqgħod f’postijiet friski fid-dar jew il-post tax-xogħol, jixrob regolarment u jiekol ikel frisk, u f’każ ta’ dubju jikkonsulta mat-tabib.
L-ogħla temperatura għada u l-Ħamis mistennija tkun ta’ 35 grad celsius, bl-indiċi UV jitilgħu għal 10 sa nhar il-Ħadd li ġej.
Din is-sħana tfakkarna fil-kanzunetta ‘Awwissu’ ta’ Walter Micallef li titratta s-sħana, ir-riħ isfel u l-gdim tan-nemus.