Awwissu b’temp isbaħ mill-medja

Jekk f’Awwissu ħassejt il-baħar ftit iktar sħun mis-soltu, kellek raġun.
Rapport tal-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta juri li matul ix-xahar li għadda l-baħar madwar il-gżejjer Maltin kien 0.2°C iktar sħun, b’temperatura ta’ 26.3°C.
Il-gżejjer Maltin gawdew nofsiegħa iktar xemx, inqas riħ u 1% inqas umdità milli normalment mistenni għal Awwissu.
It-temperatura medja kienet ta’ 27.2°C. Il-medja tal-ogħla temperatura kienet ta’ 31.7°C u l-medja tal-inqas kienet ta’ 22.6°C – temperaturi meqjusa normali għal Awwissu.
L-iktar jum sħun kien l-14 t’Awwissu meta t-temperatura telgħet sa 34.7°C, li nħasset bħallikieku kienet ta’ 41°C minħabba l-umdita’ fil-livell ta’ 60%. L-inqas temperatura kienet ta’ 20.6°C fid-19 u fis-27 tax-xahar.
L-iktar ġurnata ta’ xemx kienet is-6 t’Awwissu b’total ta’ 12.7 sigħat, l-inqas fit-22 tax-xahar b’sitt sigħat u nofs. Il-medja għax-xahar kollu kienet ta’ 11.3 sigħat xemx.
L-iktar ġurnata sħuna li qatt ġiet irreġistrata mill-Uffiċċju Meteoroloġiku kienet fid-9 t’Awwissu 1999 meta t-temperatura telgħet sa 43.8°C.