Awturi rinomati fil-Festival tal-Letteratura

Għadd ta’ awturi barranin u lokali u bejgħ ta’ kotba se jikkaratterizzaw it-12-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.
Il-festival se jittella’ mill-Ħamis 24 t’Awwissu sas-Sibt 26 t’Awwissu fil-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta.
L-awturi ewlenin tal-avveniment jinkludu r-rumanziera minn Myanmar Ma Thida, l-awtur Palestinjan Mourid Barghouti, u l-awturi Maltin Immanuel Mifsud u Alfred Sant.
Id-dħul għall-attivitajiet kollha huwa b’xejn u kulħadd jista’ jattendi.
Din it-12- il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, flimkien mal-laboratorju tat-traduzzjoni tal-Literature Across Frontiers, qed jittellgħu minn Inizjamed bi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti u Literature Across Frontiers u bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Heritage Malta, l-Għaqda tal-Malti – Università, il-voluntiera Tal-Kultura, u Studio Solipsis.