​Awturi Maltin jingħataw jeddijiet tas-self ta’ kotba tagħhom

Tqassmu għall-ewwel darba l-ħlasijiet tal-jeddijiet tas-self pubbliku lill-awturi Maltin.
Dawn il-ħlasijiet huma intiżi li jikkumpensaw lill-awturi Maltin tal-użu li jsir tal-kotba tagħhom mil-Libreriji Pubbliċi.
B’hekk Malta tingħaqad ma’ diversi pajjiżi oħra Ewropej fil-ħarsien ta’ Direttiva Ewropea.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħabbar li l-pagamenti saru wara li fassal pjan ta’ politika u kif se jsiru dawn il-pagamenti.
Għal din is-sena, l-awturi Maltin se jkunu ngħataw €25,000 fi ħlasijiet.
Il-Kunsill qal li qed jagħmel minn kollox biex jagħmel il-pressjoni meħtieġa fuq il-Libreriji biex jitħaffef il-proċess ta’ katalogar tal-kotba tagħhom.
B’hekk l-awturi li bħalissa mhux qed jitħallsu fuq self ta’ kotba tagħhom, ikollhom il-kotba tagħhom fuq l-ixkaffi tal-libreriji kemm jista’ jkun malajr.