Awtur li jgħix f’Malta jniedi ktieb ambjentat f’Hollywood

Fall Out ta’ M N Grenside se jkun jista’ jinxtara mingħand Agenda Bookshops u ħwienet tal-kotba oħra.

Photo credit: Michael Calleja Studio Konnect

Read in English.

Fall Out, il-thriller ġdid miktub mill-awtur ibbażat f’Malta M N (Mark) Grenside wasal biex jitnieda f’Malta.

Il-produttur rikonoxxut Alan Moloney iddeskriva Fall Out, id-debutt eċitanti mill-pinna ta’ M N Grenside, bħala “thriller divertenti li jżomm lill-qarrej iqalleb il-paġni sal-aħħar nett” u li bħala rumanz “jaqa’ xi mkien bejn The Da Vinci Code u Indiana Jones“.

Fl-istorja, xeneġġjatur minn Los Angeles jinqatel ftit wara li jlesti l-aħħar skript tiegħu u jibagħtu lill-grupp speċifiku ta’ nies. Kollha kemm huma, dawn il-persuni għandhom konnessjoni ma’ film li snin qabel kien twaqqaf ħabta u sabta waqt li kien qed jinħadem fil-ġungli tal-Filippini, u b’hekk jitqanqal eku ta’ ġrajjiet mill-passat.

Fall Out isegwi l-istorja ta’ Marcus Riley, li jiddeċiedi li jara kif jagħmel u jwettaq il-film; missjoni li kulma jmur issir aktar perikoluża, fejn hu u d-disinjatriċi Melinda (Mako) de Turris, flimkien mad-destinatarji l-oħra tal-iskript, iridu jiżgiċċaw minn taħt idejn assassin li ġie għalihom mill-passat.   

Ir-rumanz huwa msejjes fuq storja vera, skandlu li jinvolvi qtil u serq ta’ biljuni ta’ dollari, u Grenside uża l-konoxxenza ta’ ġewwa u unika tiegħu dwar l-industrija tal-films biex għamel riċerka metikoluża u sawwar dan it-thriller internazzjonali li ma jħallikx titilqu minn idejk.

Michael Calleja Studio Konnect

Grenside, li jgħix f’Malta, beda jaħdem għal Jim Henson and The Muppets© meta kellu 25 sena, u hemm beda karriera twila fil-qasam tal-ispettaklu fejn ħoloq u pproduċa bosta films, serje televiżivi u mini-serje. Il-kumpanija tiegħu ta’ management fil-qasam tal-mużika nediet il-karriera tal-artista kbira Neneh Cherry, u fl-2004 kien il-moħħ wara l-akkwiżizzjoni b’valur ta’ $250 miljun ta’ Hallmark Channel International, li mbagħad inbiegħet b’suċċess lill-NBC.

Fi żmien aktar reċenti, sar intraprenditur u wettaq serje ta’ ideat u negozji ġodda: kien il-ko-fundatur ta’ Dragonfly Biosciences, li tipproduċi s-CBD fuq il-mudell ‘seed to shelf’, kif ukoll fundatur f’żewġ kumpaniji diġitali oħra.

Bħalissa diġà qed jikteb ir-rumanz li jsegwi Fall Out, bl-isem The Bastion, u li parti minnu se jkun ambjentat f’Malta. Barra minn hekk, huwa jikteb il-blog ‘And another thing’ li għandu abbonati f’aktar minn 40 pajjiż.

“Xtaqt niġbor l-għarfien kollu li akkwistajt matul il-karriera tiegħi fi thriller ambjentat fl-industrija tal-films,” qal Grenside, “Għan-nies id-dinja tal-films hi affaxxinanti, u għalhekk deherli li l-industrija tal-films tkun setting naturali għar-rumanz. Ħsibt li l-idea li ngħaqqad fatt storiku, li ġara tassew imma kważi ma jitwemminx, mal-perspettiva ċara ta’ xi ħadd li hu midħla sew ta’ kif isiru l-films, iżda b’karattri fittizji, għandha tkun taħlita tajba u divertenti!

“Vera xi ħaġa sabiħa li qed nara l-qarrejja jinġibdu lejn ir-rumanz diġà, u issa eċitat immens li se nkun qed inwasslu direttament f’Malta biex ikun jista’ jitgawda hawnhekk ukoll.”

Fall Out ta’ M N Grenside huwa ppubblikat minn Urbane Publications Limited u se jkun distribwit f’Malta u Għawdex minn Miller Distributors Ltd. Se jkun disponibbli fil-ħwienet kollha tal-Agenda u fi ħwienet tal-kotba oħra. Għal aktar informazzjoni dwar l-awtur tistgħu żżuru dan is-sit.