Awtorità li tirregola u tamministra l-liċenzji tal-aġenti tal-propjetà

Jingħata bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-aġenti tal-propjetà. Is-Segretarju Parlamentari għat-Tkabbir Ekonomiku Josè Herrera ħabbar numru ta’ inizjattivi għas-suq tal-propjetà f’white paper li hija riżultat ta’ studju li sar biex jiġi indirizzat l-isfond regolatorju u legali tas-settur.
Qed ikun maħsub li titwaqqaf Awtorità għall-Aġenziji tal-Propjetà li tirregola lil min huwa involut f’dan is-settur, tamministra l-liċenzji u żżomm reġistru.
L-Awtorità jkollha wkoll ir-rwol li tinforma lill-pubbliku dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u tinvestiga lmenti marbuta mal-aġenti tal-propjetà u x-xogħol tagħhom.
Fil-proċess se jiġu eżentati s-sensara. Fil-white paper qed jiġi propost kodiċi ta’ prattika b’lista ta’ responsabbilitajiet u termini ċari ta’ kif isir in-negozju tal-propjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera qal li bejn l-2013 u l-2014 il-bejgħ tal-propjetà żdied minn €1.4 biljun għal €1.9 biljun.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika se jdum erba’ ġimgħat u matulhom qed jintlaqgħu suġġerimenti u proposti mill-partijiet interessati.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna tal-Facebook: www.facebook.com/MaltasPropertyCodeandRegulations.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut