​“Awtorità iktar effiċjenti” jew “Awtorità bla awtorità”?

Is-Segretarju Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li fl-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar seddqet l-effiċjenza fl-operat tagħha. Min-naħa tiegħu il-Kelliem Nazzjonalista għall-Iżvilupp Ryan Callus ddeskriviha bħala “Awtorità bla awtorità”.
Huma kienu qed jitkellmu waqt dibattitu dwar l-Estimi ta’ Dħul u Nfiq tal-Awtorità tal-Ippjanar għas-sena 2016.

​“Awtorità iktar effiċjenti” 
Agius qal li matul l-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet tnejn minn kull tliet applikazzjonijiet li rċeviet. Dan wassal biex jonqsu sostanzjalment l-għadd ta’ kawżi pendenti. Spjega li fl-2016, l-Awtorità kellha dħul ta’ madwar €15.5 miljun li wassal għal qliegħ ta’ iktar €3 miljuni. Fi kliemu dan kien frott żieda fl-effiċjenza u żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet rċevuti. Spjega li llum compliance certificate jinħareġ fi żmien jumejn waqt li applikazzjonijiet għal żvilupp f’żoni industrijali jinħarġu fi żmien xahar. Qal ukoll li kien hemm madwar 300 azzjoni ta' nfurzar, fosthom 107 ta' każi li feġġew fl-2016 stess. Spjega li madwar 130 rapport dwar allegat infrazzjonijiet ġew imressqa permezz ta' applikazzjoni fuq il-mobile li ffaċċilitat il-kuntatt mal-istess Awtorità.
Is-Segretarju Parlamentari Agius semma fost l-oħrajn l-iskema ta’ Irrestawra Darek li għaliha kienu allokati €8 miljuni u li taħtha ntefgħu madwar 800 applikazzjoni, il-parti l-kbira tagħhom mil-lokalità ta’ Tas-Sliema. L-iskema kienet iffinanzjata mill-iskema ta’ regolarizzazzjoni li ddaħlet fit-tieni nofs tas-sena u li taħtha ntefgħu 1,088 applikazzjoni li minnhom 555 kienu validi u s’issa wasslu għal 146 deċiżjoni. 

“Awtorità bla awtorità”
Callus appella lill-Gvern biex jaħtaf l-opportunità li għadhom ma nħarġux il-permessi għall-Università fiż-Żonqor f’Marsascala u jsalva l-ambjent f’dawn l-inħawi. Ikkritika l-abbużi mis-sistema tal-ippjanar fosthom l-użu ħażin tas-summary procedure li tista’ twassal għal abbuż mid-drittijiet taċ-ċittadin. Staqsa x’inhi l-politika tal-Gvern dwar il-ħlas li kien isir minn żviluppaturi meta ma jinkludux il-parkeġġi neċessarji fil-proġetti tagħhom. Sostna li meta dawn il-fondi jingħataw lill-kunsilli ikun qed jintesa li dawn suppost jintużaw biex jinħolqu parkeġġi alternattivi. Appella lill-awtorità biex tissalvagwardja lill-urban conservation areas fejn spiss qed jinqered il-bini antik. Ikkritika r-Rapport Annwali tal-Awtorità tal-Ippjanar li fih, iċ-Chairperson Eżekuttiv Johann Buttigieg iddeskriva l-kritika għall-Paceville Masterplan bħala “sproporzjonata” u li waqqfet proġett innovattiva. Ikkritika wkoll kliem Buttiġieġ dwar azzjoni “bla preċedenti” kontra l-billboards illegali. Staqsa x’sar dwar il-billboards illegali tal-Partit Laburista. Sostna li l-Awtorità tal-Ippjanar ma għandha ebda awtorità.
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ħeġġeġ lil Gvern biex jissusidja applikazzjonijiet tal-bdiewa għal agrituriżmu u saħaq dwar il-ħtieġa li din il-kategorizzazjoni tingħata biss lil dawk l-istabbilimenti li jkabbru l-ikel offrut minnhom biex b’hekk it-turisti jingħataw tassew esperjenza awtentika tal-esperjenza rurali Maltija.

Ikompli "l-isfreġju tal-ambjent"
Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia sostniet li huwa inutli li ssir riforma jekk huma l-iżviluppaturi u mhux il-Gvern li jagħti d-direzzjoni. Qalet li l-awtorità tal-ippjanar kienet “kanna” fi żmien gvern Nazzjonalista u “għajn li mhux talli mdardar talli saret tajn” taħt Gvern Laburista. Qalet li dejjem tidwi l-istess kritika dwar l-ambjent, iżda fl-istess ħin jibqa’ jsir l-istess “sfreġju” fejn “nibnu kif jiftlilna” u l-Gvern huwa mmexxi “minn min jagħmillu kampanja elettorali li ma tispiċċa qatt”.