Awstralja: Labra fil-banana u s-sabutaġġ tal-frawli jikber

Il-pulizija ta’ Queensland għadha ma kkonfermatx jekk is-sabutaġġ li qered l-industrija tal-frawli fil-pajjiż hux xogħol persuna waħda jew aktar minn persuna waħda li ħadmu għal rashom. Il-kriżi qed tinfirex wara li labar tal-metall instabu fil-frawli fi Queensland, fil-Punent tal-Awstralja u t-Tażmanja.

Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Queensland qal li l-investigazzjoni hi kkumplikata mill-għanqbuta ta’ postijiet minn fejn jitkabbru, minn fejn jgħaddu u fejn jinbiegħu. Qal li l-pulizija qed tinvestiga possibiltajiet differenti f’dan ix-xenarju kumpless u b’hekk qed tieħu l-ħin.

L-investigazzjoni kompliet tikkumplika ruħha wara li mara ta’ 62 sena inqabdet tpoġġi labra f’banana fiċ-ċentru ta’ Queensland, f’dak li qed jitqies każ li kienet qed tikkopja dak li seħħ qabel. Qed ikun rappurtat li l-mara għandha problemi ta’ saħħa mentali. Il-pulizija qalu fi stqarrija li qed iqisu l-inċident bħala każ iżolat u mhux marbut mal-investigazzjonijiet dwar il-kontaminazzjoni tal-frawli.

Il-Ministru tal-agrikoltura ta’ Queensland, Mark Furner, iltaqa’ ma’ dawk li jkabbru l-frawli, li jinsabu mħassba dwar il-futur tagħhom wara li l-għadd ta’ każi ta’ kontaminazzjoni bil-labar żdiedu għal għaxra. Id-distributuri tal-ikel fi New Zealand neħħew il-frawli Awstraljani mill-ixkafef tagħhom.

Rappreżentant tal-bdiewa qal li dak li beda bħala każ wieħed ta’ “terroriżmu kummerċjali” issa tefa’ għarkuptejha lill-industrija ta’ miljuni ta’ ewro, b’għadd kbir ta’ impjiegi mistennija li jintilfu.

Fi Queensland hemm madwar 150 intrapriża għat-tkabbir tal-frawli b’mod kummerċjali.