Awstralja: 6 xhur ħabs talli sfidat il-kwarantina

Mara ngħatat sentenza ta’ sitt xhur ħabs wara li sfidat ir-regoli stretti ta’ kwarantina tal-coronavirus fl-Awstralja.

Il-mara ta’ 28 sena kienet għamlet xahar fl-istat ta’ Victoria, li hu wieħed mill-iktar postijiet milquta mill-COVID-19. Hija kienet ingħatat permess biex issiefer lura d-dar f’Perth, fil-Punent tal-Awstralja u toqgħod fi kwarantina f’lukanda għal 14-il ġurnata bi spiża tagħha.

Madanakollu, minflok obdiet l-ordinijiet tal-awtoritajiet, hija marret Perth bil-moħbi fi trakk u qagħdet id-dar tal-għarus tagħha, fejn aktar tard kienet arrestata.

Fil-Punent tal-Awstralja, nies li jinqabdu jisfidaw il-liġijiet stretti ta’ kwarantina tal-COVID-19 jistgħu jeħlu sa 12-il xahar ħabs jew multa ta’ €46,000.

L-avukat tal-mara qal li hija kienet marret Victoria biex tieħu ħsieb ta’ oħtha, li kienet marida, madanakollu riedet tmur lura d-dar għax ma setgħetx tkampa u kif waslet qagħdet fi kwarantina fid-dar tal-għarus tagħha u ma ġietx f’kuntatt ma’ nies oħra.

Madanakollu l-Qorti qalet li l-mara qarrqet bl-awtoritajiet u ma kienetx onesta u sabitha ħatja.