Awguri Renato!

Ġurnata speċjali għall-kantant Renato Micallef li llum jagħlaq 69 sena. Twieled bħal-lum id-19 ta’ Novembru tal-1951. Ismu proprju huwa Nazzareno Alessandro Micallef Garrett.

Huwa beda jkanta meta kellu 12-il sena u oħtu hija Helen Micallef. Mhux biss huma t-tnejn kantanti, iżda t-tnejn li huma rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest, Renato fl-1975 bil-kanzunetta Singing The Song filwaqt li Helen marret sentejn qabel ma’ Joe Cutajar bil-kanzunetta L-Imħabba.

Renato huwa wkoll iz-ziju tal-kantanta Gloriana Arpa Belli, bint Helen Micallef.

Renato rebaħ il-Festival tal-Kanzunetta Maltija erba’ darbiet, darbtejn waħdu u darbtejn mal-kantanta Marisa. Rebaħ ukoll il-Cavan International Song Festival tal-1990 bil-kanzunetta Our Little Song of Yesterday kif ukoll għamel bosta kunċerti fil-Kanada, fl-Awstralja, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti.

Renato huwa wkoll fan kbir ta’ Shirley Bassey li magħha wkoll ittourja. F’kunċert tagħha fit-Turkija, Renato saħansitra interpreta l-kanzunetta Our Little World of Yesterday flimkien ma’ oħtu Helen.

Renato ħa sehem ukoll f’bosta musicals bħal Ġensna, Bastilja, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, Pawlu 2000, Il-Gwerra ta’ Spiru Cefai, Andrelina, It-Tfajla tal-Palazz, Żeża tal-Flagship, Reġa’ Sebaħ u Jesus Christ Superstar.

Renato huwa miżżewweġ lill-ballerina Alison White u jgħixu ġo dar antika f’Ħal Balzan.

Awguri Renato!