Awguri Philip

Ritratt: Joseph Agius Attard

Awguri lil Philip Vella li llum qed jiċċelebra għeluq it-62 sena tiegħu. Huwa twieled bħal-lum ngar l-1 ta’ Lulju tal-1958. Dan l-aħħar Philip għadu kif nieda l-kanzunetta Pa, u fi ftit ġimgħat oħra se jkun qed album ġdid.

Philip ilu snin twal fil-mużika u beda jdoqq il-kitarra meta kellu 10 snin. Sitt snin wara beda jdoqq fil-lukandi u fin-nightclubs u minn dak iż-żmien beda jikkomponi wkoll xi kanzunetti.

Fl-1978 Philip kiteb il-kanzunetta Il-Ħanut tal-Kantuniera li wara rrekordjaha mal-grupp The Greenfields.

Philip Vella għandu wkoll karriera fil-festivals u fl-1994 daħħal kompożizzjoni għall-ewwel darba fil-festival Kanzunetta għall-Ewropa. Il-kanzunetta kien jisimha Remember The Beginning kienet interpretata minn Georgina u kklassifikat fit-tieni post.

Sena wara iddebutta bħala kantant fl-istess festival bil-kanzunetta Shelter Me, kif ukoll ħa sehem għall-ewwel darba f’L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta ċelebri X’Jimpurtani, li ġiet fit-tieni post.

Philip kompla jidħol f’aktar festivals u fl-1995 kien ukoll nominat bħala l-Aqwa Kompożitur u l-Aqwa Recording Engineer fl-ewwel edizzjoni tal-Malta Music Awards.

Huwa kompla jikkomponi wkoll bosta kanzunetti oħra, fosthom ukoll il-kanzunetta Sellili li kienet tintuża għall-programm popolari li jġib l-istess isem u li kien ippreżentat minn Claudette Pace.

Isem Philip Vella huwa wkoll assoċjat mal-Eurovision Song Contest. Filfatt matul is-snin kellu sitt kompożizzjonijiet f’dan il-konkors: Desire (2000), 7th Wonder (2002), On Again… Off Again (2004), Vertigo (2007), Vodka (2008) u Breathlessly (2017).

Is-sena l-oħra Philip rebaħ il-festival L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Il-Verità.

Philip huwa miżżewweġ lil Marie Louise u huwa missier ta’ tnejn, Sean u Cher, kif ukoll huwa nannu.

Philip Vella maż-żewġt uliedu meta kienu għadhom żgħar

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.