Awguri Monica

L-1 ta’ Ġunju jfisser għeluq snin l-attriċi u preżentatriċi Monica Attard. Illum hija qed tiċċelebra għeluq il-71 sena tagħha. Twieldet f’Tas-Sliema bħal-lum l-1 ta’ Ġunju tal-1949.

Monica qatt ma ċċaqilqet minn Tas-Sliema għajr għal perjodu qasir meta marret tgħix ma’ nannitha wara l-mewt ta’ ommha.

Il-palk kien minn dejjem jinteressaha tant li kienet intgħa/let kemm il-darba biex tieħu sehem fl-attivitajiet tal-iskola u f’dawk tal-Girl Guides. Flimkien ma’ xi ħbieb tagħha iffurmaw għaqda żgħira u bdew itellgħu xi produzzjonijiet fl-irħula amdwar Malta u fit-teatru DPorres ta’ Tas-Sliema.

L-imħabba ta’ Monica għat-teatru wasslitha biex taħdem ukoll f’xi radjudrammi fuq ir-Redifussion u aktar tard bdiet tippreżenta programmi televiżivi għat-tfal. Applikat ukoll biex taħdem bħala announcer, xogħol li għal bosta snin għamlet mal-International Network u r-Radju Malta.

Għal bosta snin ippreżentat ukoll programmi fuq Radio 101 u l-istazzjon televiżiv Net.

Matul is-snin hija ħadmet f’diversi produzzjonijiet iżda fost dawk li l-aktar kienu għal qalbha hemm dawk ta’ Shakespeare. Waħda mill-pleys favoriti tagħha hija Anthony & Cleopatra.

Fuq it-televiżjoni rajnieha f’għadd ta’ produzzjonijiet fosthom Il-Mejta Edwina Black. Iħirsa, Wirt, Dar fuq ir-Ramel, F’Baħar Wieħed, Santa Monika u Pupazz. Aktar tard din is-sena se nkunu qed narawha fis-sensiela L-Ispettur, addattament televiżiv tat-triloġija ta’ plejs ta’ L-Ispettur Bonnici li kienu ttellgħu fit-teatru Manoel.

Ma’ Mario Micallef u Mario Azzopardi fuq is-sett ta’ L-Ispettur

Monica hija omm ta’ żewġ ulied, Nicky u Kris.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’dan il-jum.