Awguri Miriam

Miriam Christine kif tidher fuq il-qoxra tas-single Safe. Ritratt: Facebook/MiriamChristine

Awguri lill-kantanta Miriam Christine li proprju llum qed tiċċelebra għeluq it-42 sena tagħha. Il-kantanta twieldet bħal-lum, it-30 ta’ Ġunju tal-1978.

Miriam twieldet f’San Antonio Descrobeto Gojas fil-Brażil u meta kellha sena ġiet addottata minn koppja Għawdxija.

Ta’ sitt snin Miriam bdiet tieħu sehem fil-festivals u bdiet tikklassifika f’pożizzjonijiet tajba. F’żgħożitha ma naqsitx milli tieħu sehem f’diversi konkorsi u bdiet tidher bħala mistiedna f’diversi programmi fuq it-televiżjoni. Fl-1994 irrappreżentat lil pajjiżna f’festval internazzjonali tal-folklor f’Lyons fi Franza.

Fl-1995 hija kklassifikat fil-ħames post fil-festival Kanzunetta għall-Ewropa bil-kanzunetta The Way You Areu fil-festival Kanzunetta Maltija b’Int Tajtni Idejk. Fl-istess sena rebħet l-unur ta’ Best Newcomer fl-ewwel edizzjoni tal-Malta Music Awards.

Fl-1996 Miriam Christine rebħet id-dritt li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta In A Woman’s Heart. Hi kklassifikat fl-10 post.

Ħadet sehem ukoll f’numru ta’ musicals kif ukoll kienet il-protagonista fil-film Ġojjell Mediterranju ta’ Elio Lombardi.

L-ewwel album li ħarġet kien jsimu Smile & SHine filwaqt li l-aktar wieħed riċenti tagħha huwa Dil-Mara.

Miriam Christine hija omm ta’ tnejn, Rio u Luna.

Matul din il-ġimgħa newsbook.com.mt se jkun qed iwassal intervista ma’ Miriam Christine dwar dak li għandha ppjanat għaż-żmien li ġej.

Awguri Miriam!