Awguri Michael!

Illum qed jiċċelebra għeluq it-69 sena Dr Michael Vella Haber li twieled bħal-lum fl-1951. Michael illum il-ġurnata nafuh involut f’ħafna sensiliet ta’ drama fosthom Ħbieb u Għedewwa, li apparti li qed jikteb flimkien ma’ Evelyn Saliba La Rosa għall-kumpanija Rewind, huwa jinterpreta wkoll il-karattru ta’ Decelis.

Michael hu wieħed mit-tlett ulied tal-baruni Kelinu Vella Haber u martu Carmen. Bla dubju li wiret it-talenti artistiċi tiegħu minn missieru Kelinu iżda għal bosta snin hu ffoka fuq il-karriera tiegħu bħala dentist.

Fil-midja beda mill-aspett maniġerjali meta ġie nkarigat bit-tmexxija ta’ One Television and Radio. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar beda jinġibed lejn dan is-settur mill-aspett artistiku u produttiv, u mhux dak tekniku u maniġerjali biss. Beda bil-kollaborazzjonijiet ta’ kitba flimkien ma’ Evelyn, bl-ewwel waħda tkun Emilja u minn dak iż-żmien ‘l hawn, permezz tal-kumpanija tagħhom Rewind, wasslu numru kbir ta’ produzzjonijiet ta’ kwalità bħal D.R.E.A.M.S, Manwela, Ċirkostanzi, Sorelle, Katrina u F’Ġieħ L-Imħabba.

Michael hu miżżeweġ lil Mary Rose nèe Darmanin u għandhom tlett ulied, Miguel, Sarah u Amy, li llum wasslet messaġġ ta’ awgurju lil missierha permezz ta’ għażla ta’ ritratti li juru l-familja f’ċirkostanzi ferm isbaħ flok dawk preżenti kaġun tal-Covid-19.

Nawguraw lil Dr Michael Vella Haber l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.