Filmat: “Int kont it-tieni omm għalina” – Lino lil Maryrose

Illum qed tiċċelebra għeluq is-67 sena tagħha il-kantanta u attriċi Maryrose Mallia. Hija twieldet bħal-lum id-9 ta’ Mejju tal-1953.

F’messaġġ fuq Facebook, Lino Mallia, ħu Maryrose filwaqt li awguraha għal għeluq snin, iddedikalha l-kanzunetta Din l-Omm mir-rock opera Ġensna għax hu u ħutu Joe u Philip iqisuha bħala t-tieni omm tal-familja u li jinsab ċert li ommhom Helen hi kuntenta u onorata b’dan.

Ritratt: Facebook/LinoMallia

Hija bdiet il-karriera tagħha ta’ eta żgħira. Missierha kien komiku fuq il-palk u kien hi li ħajjarha tidħol fil-qasam tal-ispettaklu. Ta’ disà snin kienet ġiet it-tielet f’festival tat-tfal u sa ma kellha 13-il sena kienet rebħet bpsta festivals u bdiet ukoll tieħu sehem fit-teatru f’Ħaż-Żebbuġ.

Maryrose kellha biss 14-il sena meta ħadet sehem għall-ewwel darba fil-Malta Song Festival fejn kienet ġiet fit-tielet post. Fis-sena ta’ wara reġgħet ħadet sehem fil-festival u rebħitu. Baqgħet attiva fit-teatru kif ukoll bdiet tidher b’mod regolari fuq it-televiżjoni u anki tinstema’ fuq ir-radju.

Fl-1971 l-awtur Joe Friggieri u l-kompożitur Charles Camilleri għażluha biex tinterpreta d-diska LP Għanjiet minn Malta, li kienet tinkludi kanzunetti bħal It-Tfajla tal-Irdum, Rajt Raġel, Il-Festa, u Il-Pont ta’ Wied Rummiena u Il-Bejjiegħa tal-Ward.

Bdiet ukoll tieħu sehem f’festivals barra minn Malta u kien waqt li kienet fit-Turkija li saritilha offerta minn Sasch Records. Hi aċċettat u bdiet tirrekordja bl-isem ta’ Mary Charles.

Kellha bosta suċċessi bħal There Is An Island, li kien dwett ma’ Teddy Lakis, kif ukoll il-kanzuentta Blue Summer Lies, li biha marret ukoll tkanta fil-Hippodrome ta’ Londra.

Il-mewt ta’ missierha ġabha lura Malta u għal perjodu ta’ ftit xhur naqset l-attività tagħha fix-xena mużikali.

Fl-1990 irritonat fit-teatru b’TheMerry Widow u sena wara f’Il Cavallino Bianco, kif ukoll CinCin La, Il Paese Dei Campanelli. Irrekordjat ukoll l-album bl-isem ta’ Mary Charles.

Fl-1983 interpretat lis-Saħħara ta’ Wied Għafrid fil-musical Taħt Tlett Saltniet. Il-kanzunetta hi waħda mill-favoriti ta’ kull żmien ma’ ħafna Maltin u Għawdxin li jsegwu l-mużika Maltija. Ħadmet ukoll il-parti ewlenija fil-musical Żeża tal-Flagship. Maryrose kienet ukoll fil-cast oriġinal tar-rock opera Ġensna.

Lil Maryrose rajnieha wkoll bħala attriċi f’bosta sensiliet televiżivi fosthom Vaganza f’Ħal Bla Ras, Santa Monika, Ipokriti, Saħta Fuq Uliedi, Il-Mandraġġara, Il-Madonna taċ-Ċoqqa, Dun Benit u l-film Qerq. Madanakollu tibqa’ assoċjati mal-karattru li kienet tinterpreta fis-sensiela Ir-Ronnie u bla dubju għall-karattru ta’ Lieni fis-sensiela Simpatiċi.

L-aħħar xogħol tagħha fit-teatru kien fl-operetta Il-Madonna Tiegħi Aħjar minn Tiegħek. Ħarġet ukoll album ieħor li kein iġib isimha kif ukoll żewġ singles bl-isem ta’ Crystal Child u Forever Young.

Maryrose bil-karattru allegruż tagħha tibqa’ waħda mill-personalitajiet favoriti mal-Maltin ta’ kull ġenerazzjoni.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.