Jum speċjali għall-attriċi u preżentattriċi Marica Cassar li llum qed tiċċelebra għeluq il-51 sena tagħha. Twieldet bħal-lum, il-5 ta’ Ġunju tal-1969.
Marica, li hi miżżewġa lil Joe Cassar, hi magħrufa għas-sehem tagħha f’bosta sensiliet ta’ drama iżda bla dubju li l-aktar żewġ partijiet li tibqa’ mfakkra għalihom huma ta’ Nancy f’Ipokriti u dik ta’ Sandra f’Santa Monika. Dan l-aħħar konna qed narawha wkoll fis-sensiela Iż-Żagħka.
Marica hi mill-Birgu għalkemm trabbiet il-Fgura u hija l-ikbar fost it-tliet ulied ta’ Victor u Dolores Mifsud. Bdiet tinteressa ruħha fid-drama mill-iskola u ta’ 14-il sena bdiet mal-MTADA.
L-ewwel opportunità fuq il-palk wasslithielha l-attriċi veterana Mary C. Camilleri li tatha parti f’Little Women li ttellgħet fit-Teatru Manoel. Wara bdew ġejjien partijiet oħra li varjaw minn drammatiċi, għal komiċi u anki reliġjużi.
Għal bosta snin, Marica kienet ukoll attiva mal-Moviment Kerygma.
Apparti fuq il-palk u t-televiżjoni, Marica kienet ukoll tippreżenta programmi fuq ir-radju, kif ukoll taħdem minn wara ‘l kwinti fuq bosta programmi. Kienet ukoll, permezz tal-kumpanija Image 2000, tippubblika r-rivista Ir-Raff.
Hija wkoll kitbet il-ktieb Praspar mill-Klinika, u llum il-ġurnata hija taħdem mal-Caritas.
Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.