Awguri Ivan!

Illum jiċċelebra għeluq l-48 sena Ivan Gaffiero, li huwa magħruf għal bosta shows li jorganizza. Ivan twieled bħal-lum is-6 ta’ Settembru tal-1972.

Ivan beda fil-qasam tal-ispettaklu bħala kantant meta fl-età ta’ 9 snin beda jieħu sehem f’diversi festivals. Fost l-ewwel suċċessi tiegħu niftakru Jekk Trid Tħossok Ferħan, kliem ta’ ommu Frances u mużika ta’ Sammy Galea. B’din il-kanzunetta Ivan kien ġie runner up fil-festival Novelli Żejtun.

Ivan kienu ilu żmien joħlom li jsir organizzatur ta’ xi festivals u spettakli u l-ħolma tiegħu wettaqha meta tella’ l-ewwel show tiegħu fix-Xatt tal-Gżira. Minn dakinhar qatt ma ħares lura u baqa’ jorganizza diversi festivals tal-kanzunetti u konkors ta’ sbuħija. Ivan huwa magħruf għal mod kif matul is-snin irnexxielu jorganizza kompetizzjonijiet fejn ta opportunità nies kbar fl-età, kbar fid-daqs u anki bid-Downs Syndrome, biex joħorġu l-element ta’ sbuħija tagħhom mingħajr ma jħossuhom inferjuri ħdejn ħaddieħor.

Illum il-ġurnata Ivan mhxu biss huwa stabbilit f’dan il-qasam, iżda huwa wkoll kunsillier fil-Kunsill Lokali tan-Naxxar.

Nargurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.