“37 sena ilu kont l-iktar omm kuntenta fid-dinja” – Martina lil Glen

Il-kantant Glen Vella llum qed jiċċelebra għeluq is-37 sena tiegħu. Twieled bħal-lum l-14 ta’ Frar tal-1983. Messaġġ mill-isbaħ mingħand ommu Martina li lbieraħ filgħaxija iddikjarat li “37 sena ilu kienet l-iktar omm kuntenta fuq din id-dinja”.

Glen, li huwa wieħed mill-kantanti l-aktar segwiti f’Malta, beda l-karriera tiegħu fl-età ta’ 13-il sena. Studja l-vuċi kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika. Huwa wkoll għandu ċertifikat tal-Victoria Music and Arts College biex iħarreġ il-vuċi lil kantanti oħra.

Ritratt: Facebook/MartinaVella

Glen kiseb ħafna għarfien fix-xena lokali wara li għal bosta snin kien kantan resident fi programmi televiżivi bħal Kalamita, Showtime, Sas-Sitta u Sibtijiet Flimkien.  Dan minbarra numru kbir ta’ musicals li ħa sehem fihom. Illum il-ġurnata huwa wieħed mill-fundaturi tal-Animae Gospel Choir.

Bla dubju li wieħed mill-ikbar suċċessi ta’ Glen kemm f’Malta u anki barra minn Malta kien fl-2011 meta rrappreżenta ‘l pajjiżna fil-Eurovision bi-kanzunetta One Life ta’ Paul Giordimaina u Fleur Balzan.

Glen Vella f’ritratt promozzjonali għall-kanzunetta One Life (Eurovision 2011)

Proprju dan l-aħħar rajnieh ukoll fost il-bosta kantanti li taw is-sehem tagħhom fil-kunċert Malta Together.

Waqt intervista li għamel dan l-aħħar ma’ newsbook.com.mt Glen stqarr li kemm ilna noqgħodu aktar id-dar minħabba fis-sitwazzjoni tal-Covid-19, qed jitgħallem jagħmel ħafna affarijiet li qabel ma kienx joħlom li jagħmel kif ukoll qed jieħu aktar interess fil-pjanti.

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.