Awguri Freddie!

Freddie Portelli llum qed jiċċelebra għeluq is-76 sena tiegħu. Twieled bħal-lum il-5 ta’ Mejju tal-1944.

Fis-Snin 60 kien ifforma l-grupp The Malta Bums u wara kien ifforma wkoll l-famuż Black Train b’numru ma jingħaddx ta’ suċċessi wieħed wara l-ieħor.

Huwa naqqas ftit mit-ritmu tiegħu fis-Snin 80 iżda fis-Snin 90 reġà beda b’mod regolari anki permezz ta’ numru ta’ kunċerti.

Matul is-snin ħareġ numru ta’ CD’s bħal Għal Dejjem, Narak Kullimkien, U Mela, Ġej il-Milied, Elvis Your Name Will Never Die, Reaching Out, Tinkwieta Xejn, Tislima (Lil Sammy Bartolo), Need Rock ‘n Roll, Rock ‘N’ Ale, Kliem, Viva It-Tewmin, Give Me A Song, Xammar, u I Love You So Much.

Ħareġ ukoll numru ta’ CD’s b’risq il-benefiċenza bħal Ġej il-Maltemp (għal Puttinu), Il-Kbir Għadu Ġej (għal Dar tal-Providenza), Blue Sea Bay (għal Hospis Movement) u Fejn l-Anġli Ikantaw (Għall-Malta Community Chest Fund).

Is-sena l-oħra nħadem ukoll il-musical Il-Kbir Għadu Ġej fejn twasslu uħud mill-aqwa suċċessi tiegħu li kienu jduru mal-istorja li nkitbet minn Malcolm Galea għal Balzunetta Productions.

Freddie iżżewweġ lil Carmen nèe Darmanin nhar il-5 ta’ Diċembru tal-1972 u għandhom żewġt ulied, Claudette u Yvette. Freddie huwa wkoll nannu.

Nawgurawlu jum mill-isbaħ f’għeluq sninu.