“Awguri f’dan il-jum speċjali” – Il-familja Muscat lill-familja Abela

Il-familja ta’ Joseph Muscat awgurat lill-familja ta’ Robert Abela l-isbaħ xewqat għall-futur.

Il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat xerred ritratt taż-żewġ familji fuq Instagram, u awgura lill-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Robert Abela, li llum jilħaq Prim Ministru ta’ Malta, għall-futur tiegħu fil-kariga.

Wara r-rebħa tal-elezzjoni li saret nhar is-Sibt, ilbieraħ Abela għamel l-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista. Huwa ngħata merħba minn eluf ta’ partitarji Laburisti, flimkien mal-Ministri u l-Membri Parlamentari. Fid-diskors huwa insista fuq l-għaqda fil-Partit Laburista. Qal li filwaqt li mhux se jagħlaq għajnejh għall-iżbalji, beħsiebu jżomm il-proġett ta’ Joseph ħaj u b’saħħtu.

Abela rebaħ l-elezzjoni kontra l-avversarju tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne b’maġġoranza ta’ 57.9%. B’kollox ivvutaw 16,216 tesserat Laburista. It-turnout kien ta’ 92.5%.

L-Oppożizzjoni qalet li Abela huwa sempliċiment verżjoni oħra ta’ Joseph Muscat. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-ewwel diskors ta’ Abela kien fotokopja tad-diskorsi ta’ Muscat. Fl-indirizz tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd, Adrian Delia qal lil Abela li l-Oppożizzjoni tesiġi li hu jkeċċi lil Konrad Mizzi mill-Grupp Parlamentari, u jneħħi lill-Avukat Ġenerali, lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Kap taċ-Ċivil.