Awguri Elsa!

Elsa Romei

Awguri lill-eks preżentatriċi, eks attriċi u pittriċi Elsa Romei li llum qed tiċċelebra għeluq snin. Elsa twieldet bħal-lum id-29 ta’ Diċembru tal-1940. Illum hija tagħlaq 80 sena!

Elsa twieldet l-Eġittu u għamlet tlett snin il-Kajr sa ma kellha seba’ snin. Kienu ġew Malta għal ftit zmien imbagħad marru l-Italja. Minn hemm telqu lejn l-Urugwaj.

Il-Papà tagħha kien Taljan u anki kien pittur. Sfortunatment qatt ma saret tafu. Dan għaliex meta kienet żgħira ħafna kienu internawh. Kienu l-Eġittu dak iż-żmien u fil-Gwerra lit-Taljani kienu internawhom. Imbagħad meta ġew lura, il-ġenituri tagħha sseparaw.

Il-vjaġġar fi tfulitha kien wassalha biex titgħallem bosta lingwi.

Id-drama kienet dejjem tinteressaha u darba kitbet ittra lil Fr. Born li kien popolari ħafna fuq ir-Redifussion. Kien kitbilha lura u ssuġġerilha l-kumpanija Ribalta. B’hekk tħarrġet taħt Nossy Ghirlando.

Għamlet snin twal tirreċta u kienet prominenti f’uħud mill-aqwa produzzjonijiet li kienu ttellgħu f’dawn is-snin.

Kienet waqfet għal xi snin biex trabbi liż-żewġt uliedha Angele u Estelle, li din tal-aħħar nafuha bħala Marlene fis-sensiela F’Salib it-Toroq.

Kienet irritornat lura fix-xandir iżda mbagħad qatgħet mid-drama u t-televiżjoni u bdiet tiddedika aktar ħin fil-pittura u anke tellgħet xi wirjiet. Ħadet ukoll korsijiet fil-fotografija diġitali.

Elsa Romei

F’Ottubru li għadda Elsa ngħatat l-unur ta’ Ħajr il-Fgura.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.