Awguri Carlos!

L-attur magħruf Carlos Farrugia llum qed jiċċelebra għeluq it-43 sena tiegħu. Twieled bħal-lum it-2 ta’ Settembru tal-1977.

Carlos beda l-karriera tiegħu bħala mudell u rebaħ bosta titli f’diversi kompetizzjonijiet. Minn hemm beda jidher f’reklami fuq it-televiżjoni, magazines u għal bosta ditti. Wara kien ġie avviċinat għall-ewwel esperjenza tiegħu bħala attur f’film qasir fejn kellu l-parti ta’ Ġesù. Wara beda jaħdem il-parti ta’ Kristu fi produzzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.

Carlos illum il-ġurnata huwa attiv ferm fit-teatru u anke fit-televiżjoni u bħalissa qed narah fir-repetizzjonijiet tas-sensiela Ġiżelle filwaqt li mill-aħħar ta’ Settembru se nkomplu narawh fis-sensiela Division 7.

Lil Carlos rajnieh f’numru ta’ produzzjonijiet televiżivi oħra bħal Aenigma, It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, L-Evanġelisti, Grammi, Miraklu u Game Over.

Huwa wkoll ħadem f’films għaċ-ċinema li jinkludu MaltaForce, Pawlu ta’ Tarsu u Ħabbilni Ħa Nirbaħ. Dan l-aħħar huwa ħadem ukoll fid-dokudrama Death of the Nephilim li għandu jinħareġ fis-suq internazzjonali fiż-żmien li ġej.

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.