Awguri Anna

Ritratt: Robert Camilleri - Fotoclassic / Facebook/F'Salib It-Toroq

Jum speċjali għall-attriċi Anna Bassily, magħrufa għall-interpretazzjoni tagħha ta’ Marija Debono fis-sensiela F’Salib It-Toroq. L-attriċi li twieldet bħal-lum il-15 ta’ Lulju tal-1972 illum qed tiċċelebra għeluq it-48 sena tagħha.

Bassily iddebuttat bħala attriċi fl-1989 fil-produzzjoni La Bottega del Caffè li kienet ittellgħet fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana. Sena wara hija ħadet sehem f’X’Qala l-Baħar taħt direzzjoni ta’ Carmel S. Aquilina.

Fis-snin ta’ wara ħadet sehem f’diversi produzzjonijiet oħra bħal Ħelsien, Totò, Polly Jew Polly?, Is-Sinjura Yolanda, Madre Teresa, Ġuda, Kikku u Baskal, u L-Iben l-Ieħor.

Fl-2005 iddebuttat fuq it-televiżjoni permezz ta’ parti fis-sensiela Ġiżelle, segwita minn partijiet oħra fi produzzjonijiet oħra bħal Saħta Fuq Uliedi, Il-Kristu tal-Kerrejja, F’Salib it-Toroq, Xhud, Missjoni, Vittmi kif ukoll Il-Ħarsa ta’ Rużann.

Nawgurawlha l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.