Awdjo: “Żmien il-festi jwaslu persuni vulnerabbli għas-suwiċidju”

Żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, meta bosta familji jingħaqdu flimkien sabiex jiċċelebraw u jxandru l-bxara t-tajba, persuni vulnerabbli u li għaddejjin mis-solitudni, jkunu f’riskju akbar li jikkommettu suwiċidju. Dan qalu l-Psikjatra Dr Mark Xuereb minn Crisis Resolution Malta meta ġie intervistat minn Newsbook.com.mt.

Bħalissa, it-tim ta’ Crisis Resolution Malta għaddej minn kampanja ta’ 10 tijiem bl-isem ta’ Suicide Watch 10 fejn qed jitkompla s-servizz ta’ linja tal-kriżi fejn persuni f’riskju ta’ suwiċidju jkunu jistgħu jċemplu għall-għajnuna. Din il-kampanja qed titfa’ emfasi fuq is-solitudni fi żmien il-Milied.

Dr Xuereb sostna li filwaqt li fi żmien il-festi huma bosta li jorganizzaw avvenimenti għal persuni waħedhom, dawn l-avvenimenti jgħinu biss grupp żgħir minn dawn il-persuni vulnerabbli. Sostna li hemm studji li juru li persuni li għaddew minn xi trawma f’ħajjithom, il-festi tal-Milied iġiegħluhom iħossuhom aktar marġinalizzati u mwarrbin.

Dr Xuereb spjega wkoll li min ikun f’din is-sitwazzjoni jħossu waħdu, iżolat u marġinalizzat u sitwazzjoni bħal din tagħmlu f’riskju akbar li jersaq lejn il-vizzji bħad-droga. Sostna li t-telefown ma waqafx idoqq tant li kien hemm ġurnata minnhom fejn taw l-għajnuna lil 15-il persuna li ċemplu lil Crisis Resolution Malta.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966 jew ibgħat imejl fuq crisismalta@gmail.com. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.