Awdjo: “Żjarat li qed iħallu l-frott għal aktar investiment” – Prim Ministru

Il-Parlament reġa’ fetaħ wara l-vaganzi tas-sajf.

Matul din l-ewwel seduta, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta rendikont permezz ta’ stqarrija Ministerjali tal-ħidma tiegħu matul il-jiem tas-sajf.

Il-Prim Ministru ddeskriva ż-żjarat li għamel bħala żjarat li jġibu x-xogħol.

Matul dan id-diskors, Joseph Muscat ħabbar li wara diskussjonijiet mal-kumpanija Liquigas il-prezz tal-gass se jibqa’ stabbli sal-aħħar tas-sena.

Il-Prim Ministru qal li ħadd mill-pajjiżi kollha madwar id-dinja ma jħossu li Malta hi l-agħar fl-Ewropa.

Qal li kull fejn mar tkellem bi kburija dwar pajjiżna filwaqt li saħaq li l-pajjiż fadallu fejn jikber.

Joseph Muscat qal li dan jemmnuh ukoll pajjiżi bħall-Qatar, il-Kuwajt u r-Russja li jinsabu lesti li jinvestu f’pajjiżna.

Hawnhekk ħabbar li se jsiru laqgħat f’Malta ma’ uffiċjali għolja Russi għall-investiment.

Dwar il-ftehim li ntlaħaq mal-Libja, il-Prim Ministru qal li dan se jwassal biex ikun hawn prezzijiet stabbli għaż-żejt, il-gass, il-petrol u d-dijżil filwaqt li jpoġġu lill-Korporazzjoni Enemalta fuq sisien sodi.

Joseph Muscat qal li l-ftehim mal-Libja se jidħol fis-seħħ meta l-Libja jkollha l-produzzjoni taż-żejt lura għan-normal.

Il-Prim Ministru qal li l-koperazzjoni mal-Libja se tikkonċerna wkoll it-tiftix taż-żejt u l-gass, filwaqt li Malta se tkun qed isservi bħala hub fil-Mediterran biex tqassam l-enerġija lejn l-Ewropa.

Joseph Muscat ikkonferma li se jsiru aktar laqgħat tekniċi mal-Libja.

Għamel referenza wkoll għall-investiment ta’ €21 miljun li l-Gvern Libjan se jagħmel fl-iskola f’Ta’ Ġiorni.  

Tkellem ukoll fuq il-ftehim maċ-Ċina u dwar l-Enemalta, il-Prim Ministru qal li ilha tagħmel it-telf mill-2001 u d-dejn jammonta għal €840 miljun. 

Matul is-sena li għaddiet it-telf kien jammonta għal €70 miljun.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern beda wkoll għall-ewwel darba taħdidiet diplomatiċi mas-Somalja minfejn jaslu 40% tal-immigranti irregolari.

Qabel ma bdiet l-ewwel seduta ħa l-ġurament tal-ħatra, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Antoine Borg, li ġie elett mill-elezzjoni każwali għas-siġġu li kien tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.