Awdjo: Żgħażagħ Maltin lesti “jxerrdu l-fidi u l-ħajja” fil-Filippini

13-il voluntier li l-eta’ tagħhom tvarja bejn it-18 u t-30 sena, mhux se jkollhom sajf bħall-oħrajn. Se jgawdu l-baħar, il-ħruġ u lil sħabhom bħal żgħażagħ oħra, iżda qabel se jqattgħu xahar ta’ esperjenza volontarja fil-Filippini.
Dawn iż-żgħażagħ tilgħin mal-Uffiċċju Missjunarju u x-xogħol tagħhom f’Bataan se jkun immexxi minn Monsinjur Salvinu Micallef.
Mons. Micallef, id-Direttur tal-Uffiċċju Missjunarju spjega li x-xogħol taż-żgħażagħ Maltin se jkun ibbażat fuq għajnuna lill-foqra u edukazzjoni.
Il-voluntiera se jkunu qed jaħdmu mas-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesu’.
Hemmhekk huma għandhom skola f’żona fejn hemm ħafna villaġġi fqar.
Din hija l-5 darba li l-Uffiċċju Missjunarju qed jorganizza esperjenza ta’ volontarjat bħal din. F’dawn l-aħħar snin filfatt, tellgħu voluntiera fl-Indja, il-Bolivja, l-Uganda, il-Ghana u ż-Żambja.
Fost dawn il-voluntiera hemm Rebecca Mercieca li stqarret li tħajjret tagħmel l-esperjenza għax semgħet ħafna affarijiet sbieħ u riedet taf hux vera.
Luke Tabone ukoll sejjer jagħmel din l-esperjenza għall-ewwel darba.
Tħajjar minn ħabiba tiegħu u issa li spiċċa l-A levels ħataf l-opportunità biex jesperjenza din l-avventura.
Stqarr ukoll li l-unika biża’ li għandu ġej mill-fatt li se jqatta’ xahar mingħajr il-familja.
Waqt it-tħejjija tagħhom għal din l-esperjenza, iż-żgħażagħ ħadmu biex jinġabru aktar €10,000 f’donazzjonijiet biex jintużaw waqt il-missjoni tagħhom.