Awdjo: Żgħażagħ jippruvaw iqarrbu lil oħrajn lejn il-ħajja Kattolika

Il-konferenza Plexus ta’ din is-sena qed tittratta t-tema ta’ kif iż-żgħażagħ jistgħu jaħdmu biex iqarrbu lil Ġesù lejn il-periferiji.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Benjamin Flores Martin, id-delegat tal-Arċisqof għaż-Żgħażagħ u parti minn The Malta Catholic Youth Network, li spjega kif f’din il-konferenza, magħmula minn taħditiet u workshops, iż-żgħażagħ għandhom l-opportunità li jiltaqgħu, jifhmu aħjar x’inhu l-irwol tagħhom fil-komunità Kattolika, u jaqsmu ħsibijiet u esperjenzi.

Kif qal Benjamin, iż-żgħażagħ qed jinqasmu fi gruppi żgħar biex jiddiskutu kif verament jistgħu jressqu lil xi żgħażagħ mill-periferiji, li mhumiex neċessarjament nies bi problemi ta’ droga jew alkoħol, imma sempliċiment nies li jgħixu ’l bogħod minn Alla.

Benjamin fisser kif Plexus hija konferenza għal dawk li jaħdmu fil-pastorali maż-żgħażagħ, b’mod partikolari għal-leaders taż-żgħażagħ.

Il-konferenza bdiet ilbieraħ 7 ta’ Settembru, u se tintemm il-Ħadd li ġej. Il-kelliema huma: Fr Charlie Said, Mons. Frans Abdilla, Emma Lanzon, u Sr Rachel Camilleri. Il-Ħadd il-programm se jintemm minn diskussjoni mal-Arċisqof Charles Scicluna u quddiesa mqaddsa minnu stess.

Plexus18

Posted by Malta Catholic Youth Network on Monday, September 10, 2018

It-tema ta’ Plexus ta’ din is-sena hija ispirata minn kliem il-Papa Franġisku li dejjem jinsisti fuq l-importanza li l-Aħbar it-Tajba titwassal fl-ibgħad kantunieri tas-soċjetà.