Awdjo: YMCA tiftaħ xelter ieħor biex tgħin iktar persuni vulnerabbli

Miguela Xuereb

Read in English.

YMCA se tkun qed tiftaħ il-bibien tat-tieni dar tagħha fejn se tilqa’ 14-il persuna. Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-għaqda, Anthony Camilleri, fejn spjega ma’ Newsbook.com.mt li l-NGO bħalissa qed tfittex attivament persuni vulnerabbli li kienet għenet fil-passat u li dawn kienu saru indipendenti sabiex tikkonferma li l-kundizzjonijiet preżenti tagħhom għadhom jippermettulhom ħajja dinjituża.

Ma’ Newsbook.com.mt, Camilleri qal li bħala miżura ta’ prekawzjoni, l-organizzazzjoni se jkollha residenza sekondarja għal dawk l-individwi li fil-passat ġew bżonn l-għajnuna tagħha. L-għaqda taħdem ma’ persuni li m’għandhomx dar fejn jgħixu. Mistoqsi għal data meta d-dar se tkun qed tinfetaħ, Camilleri spjega li hemm data fissa u li xi persuni qed jinżammu fi kwarantina u qed jiġu ttestjati għall-coronavirus qabel ma jiġu aċċettati fid-dar.

Camilleri spejga li aktar ma tikber is-sitwazzjoni kurrenti, aktar mistennja jirċievu talbiet għall-għajnuna. Hu qal li jekk is-sitwazzjoni kurrenti tippersisti, ċertu individwi jaf ma jibqgħux igawdu mill-indipendenza tagħhom. Hu nnota li kien hemm xi sidien tal-kera li ddeċidew li jraħħsu l-prezz tal-kirja jew saħansitra jaħfruh. Minkejja dan, spjega li hemm bosta individwi li tħallew mingħajr dħul minħabba nuqqas ta’ xogħol.

Camilleri spjega wkoll li x-xogħol tagħhom bħala għaqda sar xi ftit aktar diffiċli hekk kif bħalissa qed jippruvaw isibu l-aħjar mod kif jiltaqgħu ma’ individwi ġodda mingħajr ma jpoġġu f’riskju lir-residenti jew l-istaff. Camilleri rrimarka li kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet biex jikkomunikaw mal-persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna minħabba d-distanza fiżika li jridu jżommu.

Helpline għal min iħossu waħdu

Ma’ Newsbook.com.mt Camilleri spjega li bħala għaqda issa wkoll għandhom helpline għal persuni li jesperjenzaw is-solitudni. Il-Loneliness Response Line beda jintuża mit-23 ta’ Marzu. Huwa mmirat li jgħin persuni li qed jesperjenzaw solitudni fi djarhom minħabba l-coronavirus. Kull min jixtieq iċempel fuq dan in-numru jista’ jagħmel dan fuq 99928625.

Inti tista’ tgħin ukoll

Mistoqsi jekk il-pubbliku inġenerali jistgħax jgħin lill-għaqda b’xi mod, Camilleri tkellem fuq l-inizjattiva Never an Empty Plate. Qal li kumpaniji, stabbilimenti u individwi jistgħu jgħaddu donazzjonijiet ta’ laned ta’ ikel, laħam jew frott u ħaxix lill-għaqda. Dan l-ikel ikompli jgħin lil dawk il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Il-pubbliku jista’ wkoll jiddeċiedi li jagħti donazzjoni monetarja lill-għaqda.