Awdjo: X’jiġri f’Sibt il-Għid f’Ġerusalemm?

Iċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru f’Sibt il-Għid f’Ġerusalemm huma kemmxejn differenti minn dawk li jsiru f’pajjiżi Kattoliċi oħra bħal Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, Fr Twannie Chircop, ir-Rappreżentant tat-Terra Santa f’Malta, spjega li, biex wieħed jifhem x’’jiġri f’Ġerusalemm, irid jifhem ir-raġuni warajha.
Spjega kif f’Ġerusalemm hemm sitt knejjes differenti f’bini wieħed. Dan ġie stabbilit fl-1860, mitt sena qabel Konċilju Vatikan it-Tieni. Dan ifisser li l-liturġija u l-funzjonijiet tal-Kattoliċi f’Ġerusalemm mhumiex ibbażati fuq Konċilju Vatikan it-Tieni.
Għaldaqstant, minkejja li l-liturġija l-antika hi rinovata, il-ħinijiet ta’ x’ħin isiru ċ-ċelebrazzjonijiet huma differenti minn dawk stabbiliti minn Konċilju Vatikan it-Tieni, li anke reġa’ skopra l-Velja tal-lejl.
Fr Chircop spjega kif f’Ġerusalemm, il-Velja ssir fis-6.30am. Filgħaxija mbagħad, fis-6.00pm, isir it-talb solenni quddiem il-qabar ta’ Kristu.
Fil-11.30pm, issir iċ-ċelebrazzjoni pontifikali tal-uffiċju tal-qari b’mod solenni. Dan jibda fil-kappella u jkompli sa quddiem il-qabar ta’ Kristu.
Fr Twannie Chircop sostna wkoll li din hi sena speċjali, għaliex il-Knejjes kollha qed jiċċelebraw l-Għid flimkien.