Awdjo: “Xjenzat li jilgħab mal-ħajja, xjenzat tal-ħabba gozz”

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, enfasizza li xjenzat li jilgħab mal-ħajja, huwa xjenzat tal-ħabba gozz.
Imkejjen infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li l-Isqof kien qed jirreaġixxi għall-interventi tal-ġinekologu u speċjalista tal-IVF, Dr Mark Sant waqt Xarabank.
Il-kumment fuq Facebook l-Isqof għaddieh ftit wara l-programm imsemmi, li kien qed jiddiskuti l-emendi proposti dwar l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Il-ġinekologu u speċjalist tal-IVF qal li fost affarijiet oħra l-emendi proposti dwar l-iffriżar tal-embrijuni mhux minnu li joħoloqu orfni, lanqas meta tintuża sperma donata minn raġel, u għalhekk il-missier ikun anonimu.
Sadanittant, fil-post tiegħu l-Isqof Grech ikkwota tabib u pedjatra, Jerome Lejeune, li kien l-ewwel professur tal-Ġenetika fil-Fakultà tal-Mediċina f’Pariġi, meta qal;
“Il-ħajja umana tibda mill-mument preċiż tal-fekondazzjoni. Din mhix ipotesi teorika jew xi opinjoni teoloġika, imma kostatazzjoni sperimentali. Mat-tnissil ikun hemm bniedem uniku u perfettament distint. L-ewwel ċellula b’sitta u erbgħin kromosoma jkun fiha t-tagħrif kollu meħtieġ u suffiċjenti li jsawwar it-tarbija li jkollha l-isem u l-karatteristiċi tagħha.
M’hemmx differenza bejn in-natura ta’ embrijun, fetu u tarbija wara li titwieled. Mingħajr dan il-prinċipju, kull leġislazzjoni dwar il-ħajja umana tkun perikoluża.”
Jerome kien isejjaħ il-friża tal-embrijuni kamp ta’ konċentrament iffriżat. Hu kien konvint li l-bniedem huwa fid-dmir li jiddefendi l-ħajja umana mhux minħabba xi liġi tal-etika, imma hija l-istess xjenza li tiddetta dan.

Waqt Xarabank, Dr Miriam Sciberras, Ċerpersin tal-Life Network Foundation saħqet li “it-trabi mhux oġġett, ma tistax tagħmel kuntratt fuqhom”.
Għada l-Isqof t’Għawdex se jkun preżenti mal-Arċisqof Charles Scicluna, u l-Arċisqof Emeritu pawlu Cremona, għall-manifestazzjoni favur il-ħajja l-Belt Valletta.
F’kummentarju li ta lil Radju RTK, l-Arċisqof qal li fil-manifestazzjoni t’għada l-isqfijiet iridu jibagħtu messaġġ, jiġifieri li kull bniedem hu don t’Alla.
Qal li għalkemm it-teknoloġija tal-lum tagħti ċ-ċans li kif isir it-tnissil jiddeċidih il-bniedem, il-Knisja f’Malta se twassl il-messaġġ li t-twelid ikun espressjoni ta’ mħabba bejn il-ġenituri naturali tat-tarbija.
“Li inti tiffriża l-ħajja umana m’intix tirrispetta d-dinjità ta’ dik il-ħajja”, sostna l-Arċisqof, fost oħrajn.