Awdjo: Xi tfal jistaqsu lill-għalliema kemm fadlilhom “leave” mill-iskola

Meta tkellem dwar l-assenteiżmu mill-iskejjel waqt il-programm Newsbook fuq RTK, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-gvern se jkompli jaħdem biex inaqqas dejjem iktar in-numru ta’ tfal li ma jattendux l-iskola.
Il-Ministru Evarist Bartolo aċċenna għall-ħsieb tal-gvern li fil-futur iddaħħal card għal kull student fl-iskejjel primarji u sekondarji. Qal li l-ħsieb tal-gvern huwa li din trid tiġi iffirmata mit-tabib illi jikkonferma li l-istudent verament ma jistax jattendi l-iskola minħabba raġunijiet mediċi.
Semma kif baqa’ sorpriż li hemm l-idea żbaljata fost xi studenti li jaħsbu li jistgħu ma jattendux l-iskola għal tlett ijiem fix-xahar, tant li ġieli jistaqsu lill-għalliema tagħhom kemm fadlilhom “leave” mill-iskola.
Huwa tkellem dwar żewġ elementi li jwasslu għall-assenteiżmu – l-ewwel is-sistema edukattiva innfisha u l-oħra is-sehem tal-ġenituri. Qal li s-sistema edukattiva trid tkun attraenti biżżejjed għat-tfal u l-adoloxxenti Maltin biex ma jkunx hemm assenteiżmu fiżiku jew mentali.
Kompla jgħid li dawk li qiegħdin f’riskju ta’ faqar u li xorta regolarment jibgħatu lil uliedhom l-iskola, se jgawdu minn għotja finanzjarja.

"Mhux se jkun hemm monitoraġġ fuq l-għotjiet finanzjarji lill-istudenti" 
Il-Ministru Bartolo tkellem ukoll dwar it-tneħħija tas-sistema tal-ismartcards għall-istudenti, fejn qal li mhux se jkun hemm sistema ta’ monitoraġġ ta’ kif l-istudenti se jonfqu l-għotja finanzjarja li se tingħatalhom. Żied jgħid li huwa jafda fl-istudenti li dawn se jagħmlu l-aħjar użu minn din l-għotja.  Ma eskludiex lanqas li ‘l quddiem jiġu aġġustati l-għotjiet finanzjarji li jingħataw lil studenti li jsewgu korsijiet partikolari u li jirrikjedu aktar spejjeż minn korsijiet oħra.

Mistoqsi dwar l-intervisti li fihom allegatament għalliema ġew mistoqsija jekk hux se jkollhom trabi jew le, il-Ministru Bartolo qal li ma għandux ikun hemm l-ebda kriterju li jwassal għal xi tip ta’ diskriminazzjoni. Temm jgħid li l-gvern se jistħarreġ dawn l-allegazzjonijiet u li se jinħarġu linji-gwida biex jiġi assigurat qafas li ma jagħtix lok għal kull tip ta’ diskriminazzjoni fost l-għalliema.