Awdjo: X’għandhom komuni Jimmy l-Irish, Juice Wilson u Fredu l-parrukkier?

Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna nies, il-parti l-kbira tal-baħrin f’Malta fi żmien il-gwerra, kienu jmorru Strada Stretta minħabba l-mużika.
Jgħid dan ma’ Newsbook.com.mt, l-awtur George Cini li għadu kemm ħareġ il-ktieb “Strada Stretta – Aktar dawl fuq it-triq li darba xegħlet il-Belt”.
Jitkellem dwar xi karattri li jitkellem dwarhom fil-ktieb tiegħu, fosthom Jimmy l-Irish li qal ma kellux skola iżda kellu sens intraprenditorjali kbir tant li fetaħ diversi ħwienet fil-Belt u madwar Malta.
Karattru ieħor interessanti li jesmmi kien Fredu, magħruf aħjar bħala “l-parrukkier ta’ wara s-suq tal-Belt” li kien jaħdem kuljum bejn is-6 ta’ filgħodu u l-11 ta’ bil-lejl.
L-awtur jitkellem ukoll dwar Juice Wilson li kien wieħed mill-aqwa vjolinisti tal-jazz ta’ dak iż-żmien. Jispjega kif Wilson kien qiegħed fuq tour fl-Afrika ta’ Fuq mal-band tiegħu, spiċċa Malta meta faqqgħet il-gwerra u qatta’ Malta għadd ta’ snin.
Isemmi kif dawn il-mużiċisti ta’ kalibru internazzjonali għollew il-livell tal-mużika f’Malta. Jgħid li Vinny Vella wkoll kien jieħu l-lezzjonijiet mingħand Juice Wilson.
L-awtur George Cini jgħid li għalkemm id-domanda inbidlet matul is-snin, jinsab kuntent li din it-triq qed tinżamm tajjeb u evolviet maż-żmenijiet biex issa qed jinfetħu iktar boutique hotels, bars u ristoranti.
Esprima x-xewqa li jerġa’ jibda jara iktar live bands fit-triq kif kien isir fl-imgħoddi. Qal li l-mużika kienet ingredjent speċjali li ġibdet ħafna baħrin u nies lejha.
Jgħid li anke llum, kull min jinżel Strada Stretta fil-Belt iħoss il-faxxinu u s-seħer li toffri din it-triq, tant li nies li żaruha fil-passat iqisuha bħala ikona nazzjonali.
George Cini jtemm jgħid li l-Maltin li kienu jaħdmu fi Strada Stretta fi żmien il-gwerra kienu jaraw il-ġid, minkejja li dan kien żmien ta’ faqar.