Awdjo: X’ġara fl-ewwel sena mir-riforma fil-liġi tad-droga?

Sena wara r-riforma fil-liġi dwar id-droga, konferenza se tkun qed titfa’ dawl fuq x’effetti ħalliet u jekk kinitx ta’ għajnuna.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dun Manwel Cordina, il-fundatur tal-OASI qal li permezz ta’ din il-konferenza se jkunu qed janalizzaw ir-riforma fil-liġi dwar id-droga li saret sena ilu.
Sentejn ilu, meta ħarġet abbozz ta’ liġi, kienet saret l-ewwel konferenza, Dekriminilizazzjoni, Legalizazzjoni jew Depenalizazzjoni, u Dun Manwel qal li dakinhar kienu favur id-depenalizazzjoni. Il-liġi mbgħad idekriminalizzat l-użu tas-sustanzi.
Minbarra spjegazzjoni legali dwar ir-riforma, se jkun hemm ukoll diskussjoni ta’ x'seta’ sar differenti u kif se jkunu jistgħu jħarsu ‘l quddiem.
Dun Manwel saħaq li l-fondazzjoni OASI dejjem xtaqet li jkun hemm diskussjoni dwar rijabilitazzjoni.
Temm billi qal li jispera li jkun hemm analiżi oġġettiva ta’ x’kien mistenni kif ukoll ir-riżultati ta’ kif ibbenifikaw in-nies minn din il-liġi.
Stieden lill-pubbliku biex ikun preżenti għal din il-konferenza.
Preżenti se jkun hemm il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Kummissarju għal-liġijiet, rappreżentanza tal-probation u s-Supretendent tal-iskwadra tad-droga.
Il-konferenza se ssir nhar il-Ġimgħa 22 t'April fil-Palazz ta’ Verdala, ir-Rabat, b'reġistrazzjoni fit-8.30am u tibda fid-9.00am.
Bejn Settembru u Marzu li għadda, quddiem il-Kummissarju ġdid għall-Ġustizzja tressqu 344 każ ta’ droga, 86 minnhom ta’ barranin. Il-Gvern qal dan f’għeluq is-sena mid-dħul tal-liġi li ddeskriva bħala waħda li qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.