Awdjo: X’ġara dakinhar li miet Rodwan wara li ttajjar f’Pembroke?

Dakinhar li miet, Rodwan Aghil, it-tifel ta’ 10 snin li miet wara li ttajjar f’Pembroke, ma riedx imur l-Open Day tal-Iskola ta’ St Catherine’s, fejn jattendi. 
Ma’ Newsbook.com.mt, oħt Rodwan, Guhaina Aghil, li għandha 20 sena, qalet li l-iskola ma kellux ħafna ħbieb, “xi wieħed jew tnejn” u li dakinhar ma xtaqx imur l-Open Day għax ma kienx hemm ħafna tfal li kienu qed jistennewh. 
Rodwan kien wieħed minn għaxar aħwa – sitt ibniet u erba’ subien. Guhaina dddeskriviet lil Rodwan bħala “tifel kwiet, li kien iħobb il-futbol u kien iħobb ħafna żaqqu, tant li l-ħin kollu jiekol.” Qalet ukoll li ma kienx tifel li kien jieħu gost joħroġ waħdu.  
Irrakkontat kif dakinhar stess, hi u l-familja tagħha, argumentaw miegħu minħabba din ir-raġuni, iżda fl-aħħar ikkonvinċewh biex imur. 
Guhaina qalet li t-tliet ħutha oħra li jattendu l-istess skola, kienu se jmorru. Spjegat kif oħtha oħra, li għandha 18-il sena kienet se twassalhom l-iskola,  imma minħabba li Rodwan ried jieħu xi ħelu miegħu għall-Open Day, waqaf jixtri biż-€2 li tah missieru. Ftiehem ma’ ħutu li se jiltaqa’ magħhom l-iskola.  
Guhaina rrakkontat li dan kien għall-ħabta tat-3.30pm, il-ħin li seħħ l-inċident li ħasad il-ħajja ta’ ħuha. 
Qalet li t-tliet ħutha l-oħra waslu d-dar għall-ħabta tas-6pm u staqsew għal Rodwan. Kienu ħasbu li minħabba li ma riedx imur l-iskola dakinhar, reġa’ bdielu u mar id-dar.
Spjegat, li hi u zijuha li dak il-ħin kienu d-dar, ħasbu li Rodwan mar l-iskola. 
Damu jfittxuh għal madwar siegħa, fost l-oħrajn marru l-grawnd tal-Luxol fejn kien parti mit-tim tan-Nursery ta’ Luxol St Andrews. Meta ma rawh imkien, staqsew lin-nies, li qalulhom biex iċemplu lill-Pulizija ta’ San Ġiljan. 
Dak il-ħin, Guhaina u zijuha qabdu taxi u marru l-għassa, fejn qalulhom li Rodwan weġġa’.  Il-pulizija qalulhom biex imorru magħhom l-Isptar u kien dak il-ħin li saru jafu li Rodwan tilef ħajtu.
L-aħħar tislima lil Rodwan ingħatat ilbieraħ. 
Il-Kap tal-Iskola ta’ St Catherine’s High School, li kien jattendi Rodwan Aghil, it-tifel li ttajjar nhar is-Sibt li għadda f’Pembroke, qalet li l-iskola sejħet counsellor professjonali biex jitkellem mal-għadd ta’ ħbieb li kellu Rodwan, kemm ilu li ngħaqad mal-Iskola f’Ottubru li għadda. Sue Midolo qalet li għall-funeral ta’ Rodwan attendew madwar 70 student u 20 impjegat tal-iskola. Żiedet tgħid li sħabu tal-klassi u xi għalliema ffirmaw ballun u ppreżentawh lil missier Rodwan waqt il-funeral.