Awdjo: “Xbajna nistennew ix-xelter tal-linja fiċ-Ċirkewwa”

Għawdxin li ta' kuljum jaqsmu lejn Malta għax-xogħol tkellmu ma' Newsbook.com.mt dwar it-tbatija u l-inkonvenjent li jgħaddu minnu minħabba li fiċ-Ċirkewwa m'hemmx bus shelter.

Żagħżugħ Għawdxi qal li ilhom mingħajr post fejn jistkennu għal din l-aħħar sena, kemm ilu miftuħ it-terminal.

Żied jgħid li dan mhuwiex ta' inkonvenjent għall-ħaddiema biss, iżda wkoll għat-turisti u l-anzjani li m'għandhomx fejn joqogħdu bilqiegħda huma u jistennew.

Dan fid-dawl tal-fatt li ġieli jkollhom jistennew bejn kwarta u nofsiegħa biex tasal tal-linja.

Huwa sostna li x-xelter fiċ-Ċirkewwa għandu jkun differenti minn xelters oħrajn, minħabba li jrid ikun addattat għax-xita, xemx u anke raxx tal-baħar.

Kelliema għall-Ministeru għat-Trasport qalet li l-bus shelters fiċ-Ċirkewwa għandhom jiġu stallati sal-aħħar tas-sena.

Fil-25 ta' Lulju li għadda, Newsbook.com.mt irrapporta li tinda li se titwaħħal fiċ-Ċirkewwa kienet fl-istadju tal-evalwazzjoni tat-tender.