Awdjo: “Wiegħda għall-formazzjoni ta’ koppji li jiżżewġu biċ-ċivil baqgħet fuq l-ixkaffa”

Il-Moviment ta’ Kana fakkar lill-Gvern f’wiegħda li kien għamel qabel l-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta, biex koppji li jkunu jixtiequ jiżżewġu biss biċ-ċivil, jingħataw ukoll xi forma ta’ preparazzjoni.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, id-Direttur tal-Moviment ta’ Kana, Monsinjur Charles Attard qal li din il-wiegħda bagħet fuq l-ixkaffa.
Waqt li din il-ġimgħa kien qiegħed jindirizza l-Kumitat Parlamentari fuq il-Familja, Dun Charles ħeġġeġ lill-Gvern jieħu ħsieb jorganizza preparazzjoni għal dawk il-koppji li jagħżlu lijiżżewġu biċ-ċivil.
Minkejja li mhux qed jiżżewġu bis-Sagramenti, Dun Charles saħaq li dawn il-koppji, qed jiżżewġu bil-għan li ‘l quddiem iwaqqfu familja.
Mistoqsi jekk dan il-kors għandux jingħata mill-Moviment ta’ Kana, Dun Charles fakkar li primarjament il-Moviment jipprepara dawk il-koppji li jixtiequ jiżżewġu bil-Knisja.
Saħaq iżda li jekk l-Arċisqof jagħti l-permess u l-Gvern jipprovdi r-riżorsi u l-għajnuna neċċessarja, il-Moviment ta’ Kana jkun lest li jidħol għal dan l-inkarigu, wara li jsiru d-diskussjonjiet kollha.
Ommijiet li ma jaħdmux biex irabbu għandhom jingħataw kumpens
Quddiem il-Kumitat Parlamentari, Monsinjur Attard ippropona wkoll biex l-ommijiet li jagħżlu li jibqgħu d-dar, jew jiefqu jaħdmu biex irabbu lill-uliedhom, għandhom jingħataw kumpens għax-xogħol li jagħmlu.
Fakkar li din il-proposta kien diġà għamilha l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u minn dak iż-żmien daħlu fis-seħħ miżuri favur il-familja, bħar-reduced hours u t-telework.
Dun Charles fakkar ukoll li hemm single mothers, li jagħżlu li jiefqu jaħdmu biex it-tfal irabbuhom huma u mhux il-ġenituri.
Staqsa jekk apparti l-benefiċċji soċjali, dawn għandhomx jingħataw l-istess kumpens la qed jagħżlu li jrabbu lil uliedhom.
“Ma nafux kemm għandha minn dawn il-persuni”
Id-Direttur tal-Moviment ta’ Kana qal li huma ma għandhomx il-mezzi biex jagħmel din ir-riċerka.
Dun Charles qal li l-Moviment kellu service agreement mal-Gvern u dan waqaf u għalhekk ma għandux ir-riżorsi u l-mezzi.
Saħaq iżda li l-Moviment ta’ Kana lest li jagħmel din ir-riċerka jekk jingħata l-għajnuna.