Awdjo: Wasal iż-żmien li l-vagun ta’ Birkirkara jitqiegħed f’post sigur

Il-vagun fil-ġnien tal-istazzjon f’Birkirkara jista’ jkun suġġett għat-tneħħija tiegħu b’mod temporanju sakemm jibda u jitlesta l-proġett ta’ Railway Park. Il-vagun storiku li huwa l-uniku wieħed li fadal fil-pajjiż u li kien jintuża fil-bidu tas-servizz tal-ferrovija f’Malta, imur lura għall-1883 meta kien tnieda s-servizz.
Il-Malta Railway li hija għaqda non-governattiva u li għandha għal qalbha dan il-patrimonju Malti qed taħdem mill-qrib mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li minn naħa tiegħu kien issottometta applikazzjoni quddiem il-MEPA sabiex il-ġnien ta’ Birkirkara jinbidel f’Railway Park u l-post jiġi riabilitat u rinnovat. F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Paul Galea f’isem The Malta Railway qal li l-vagun jeħtieġ li jsirlu restawr estensiv u għandu jitneħħa mill-ġnien sabiex ikun f’post sigur sakem jitwettaq il-proġett.
Mistoqsi jekk il-vagun għandux jerġa’ jitqiegħed fil-post li jinsab fih illum, huwa saħaq li dan għandu jibqa’ jitgawda f’Birkirkara iżda għandu jkun protett mill-vandaliżmu u mill-elementi naturali.
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed tinħass il-ħtieġa li dan il-proġett jitwettaq mill-iktar fis sabiex ma tibqax issir ħsara fuq dan il-wirt storiku li ħallewlna missirijietna. Kif qal Paul Galea stess, huwa fl-obbligu tagħna li ngħaddu f’kundizzjoni tajba lil uliedna dak li ħallewlna l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.

Ritratti: Facebook – The Malta Railway