Awdjo: Wara xahrejn għadhom ma daħlux fl-appartament li nħarqilhom

Wara xahrejn li nirien qerdu l-parti l-kbira ta' appartament f'San Ġwann, li fih kienet tgħix il-familja ta’ Natasha Grixti, ix-xogħol għadu ma bediex. 
Ma’ Newsbook.com.mt, Natasha qalet li huma ngħataw struzzjonijiet mill-Awtorità tad-Djar biex ma jidħlux fil-post. 
Spjegat li dak li qed iżomm ix-xogħol milli jibda, huma d-dokumenti li jridu jimtlew mill-Awtorità.
Bħalissa il-membri tal-familja tagħha qed joqogħdu mifruxin għand membri oħra tal-familja.
Sostniet li huma n-nies li taw l-aktar għajnuna matul dan iż-żmien. Kien hemm min offra appliances u anke flus.
Impjegati tal-Air Malta wkoll għinu lill-familja ta’ Natasha billi ġabru bejniethom u xtrawlha friġġ.
Ix-xahar li għadda, ma’ Newsbook.com.mt, Natasha kienet qalet li la jkollhom kċina jkunu jistgħu jidħlu lura, iżda l-kċina għadha ma waslitx.
Qalet li aktar ma jgħaddi żmien, aktar tagħraf ir-realtà x’inhi, u li dan ma jgħinx mill-aspett psikoloġiku.