Awdjo: Waqt li qed nittraduċi l-Enċiklika diversi punti baqgħu stampati f’qalbi – Francesco Pio

Ma jistax ikun hemm ekoloġija ambjentali awtentika jekk m’hemmx ekoloġija umana. Dan kien wieħed mill-punti l-aktar li baqa’ stampat f’moħħ Francesco Pio Attard, li  flimkien ma’ tim ta’ persuni oħra għamlu traduzzjoni għall-Malti tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si.
Francesco Pio stqarr li kellu biss ħamest ijiem biex jittraduċi t-test tal-Enċiklika tal-Papa li jekk tpoġġiha fuq paġni A4 tieħu madwar 70 paġna. Qal li kienet xewqa tal-Arċisqof Charles Scicluna li din l-enċiklika tkun tradotta biex ikun jista’ jippreżentaha lill-pubbliku.
Żied li beda jittraduċi miż-żewġ talbiet li kiteb il-Papa u li jinsabu fl-aħħar tal-Enċiklika. Qal li dawn jiġbru fihom l-enċiklika kollha u għalhekk qabel beda jittraduċi l-kapitli, diġà kellu stampa ċara tal-messaġġ li ried iwassal Franġisku, filwaqt li għamel dan ukoll bħala talba.
Mill-kapitli kollha, Franceso Pio qal li waqt li qed jaqleb l-enċiklika bil-Malti laqtuh żewġ kapitli. Wieħed minnhom jitkellem dwar l-ekoloġija integrali fejn il-Papa qal li meta qed nipproteġu l-ambjent għandna nagħmlu dan b’mod sħiħ, jiġifieri anke li nipproteġu l-bniedem mit-twelid sal-mewt. L-aħħar kapitlu qal li laqtu għax joffri wkoll għajnuna kif in-Nisrani jista’ jgħix anke permezz tal-ambjent ir-relazzjoni ma’ Alla.
It-tradutur wieġeb għall-kritika ta’ min qal li l-Papa għamel analiżi mingħajr ma provda proposti. Saħaq li l-Papa poġġa ħafna proposti konkreti, bl-akbar waħda minnhom tkun bidla fil-mentalità ta’ kif inħarsu lejn il-ħolqien. Skont il-Papa l-ambjent mhux qiegħed hemm biex jiġi sfruttat u li fil-ħolqien kollox huwa marbut, mill-iċken dudu tal-art sal-bniedem li huwa l-akbar opra ta’ Alla.
Fl-intervista li xxandret fl-aħħar edizzjoni tal-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, Francesco Pio jitkellem ukoll dwar id-diffikultajiet li sab, fosthom biex fit-tradizzjoni ma jitlifx il-messaġġ tal-Papa u anke biex isib xi kliem tekniku dwar l-ambjent. Saħaq iżda li miegħu kellu tim ta’ nies li għenuh ilesti t-traduzzjoni fil-ħin u bl-aħjar mod possibli.