Awdjo: “Waqt it-teaching practice nħallsu €600 minn butna”

Waqt sitt ġimgħat ta’ teaching practice, l-istudenti għalliema li bħalissa qed isegwu l-kors tal-edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, qed joħorġu minn buthom sa €600.
Ma’ Newsbook.com.mt, studenta għalliema qalet li dan huwa kważi t-triplu tal-ispiża personali medja tal-edukaturi, li minn stħarriġ tal-unjin tal-għalliema rriżulta li jħallsu €220 fis-sena.
Spjegat kif fl-aħħar teaching practice kellha ħames klassijiet b’madwar 30 student kull wieħed.  Qalet li bejn karti, kartonċin, flash cards u riżorsi oħra, ġietha madwar €20 kuljum.
Sostniet li ma ħassitx li kienet fid-dmir li titlob il-flus lill-istudenti, peress li hi studenta għalliema.
Irreferiet għall-€466 fl-ismart card li "l-anqas mhuma biżżejjed."
L-għalliema studenta qalet li minkejja li f’kull skola jkun hemm photocopier, mhux kull skola tkun lesta li toffrilhom jagħmlu użu minnha.
Appellat li forsi wasal iż-żmien li l-istudenti għalliema jkollhom cards simili għal dawk li għandhom uħud mill-għalliema, li bihom ikunu jistgħu jixtru oġġetti bażiċi.
L-istudenti tal-edukazzjoni jkollhom teaching practice matul tlieta mill-erba' snin tal-kors tal-edukazzjoni f'livell tas-sekondarja.