Awdjo u ritratti: Philip Vella jirbaħ L-Għanja Tal-Poplu 2019

Il-kanzunetta rebbieħa tat-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu  – Festival tal-Kanzunetta Maltija li sar ġewwa Pjazza Teatru Rjal is-Sibt 31 t’Awwissu jisimha Il-Verità, kantata minn Philip Vella, kliem u mużika ta’ Philip Vella stess. Il-kanzunetta titkellem dwar il-fatt li kulħadd safa’ vittma ta’ gidba xi darba jew oħra. Mill-banda l-oħra, ħafna minna xi darba weġġgħu lil ħaddieħor b’gidba. Il-kanzunetta tissuġerixxi li meta nużaw il-mezzi tal-komunikazzjoni għandna ngħidu l-verita’ biex b’hekk inkunu fdati.

Il-kanzunetta Tfewwaħ interpretata minn Cherylis, fuq kliem u mużika ta’ Cherylis ġiet klassifikata fit-tieni post kif ukoll rebħet il-premju tal-aħjar kantawtur. Il-kanzunetta tesplora l-ġmiel tal-ambjent ta’ madwarna li qed tiġi mhedda mill-iżvilupp.

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta Minn Kajfas Għal Għand Pilatu kantata minn Rachell Lowell, fuq kliem u mużika tagħha. Il-kanzunetta titkellem dwar kif kultant f’dal-pajjiż, trid jew ma tridx, tispiċċa ddur minn persuna jew dipartiment għal ieħor biex tinqeda, filwaqt li dawk li għandhom il-poter jevitaw li jerfgħu r-responsabilità. Il-kanzunetta rebħet ukoll il-premju tal-iktar kanzunetta oriġinali.

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ minn Janice Mangion li kantat il-kanzunetta Għadu Mhux il-Waqt fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Scicluna – kanzunetta li titkellem dwar dak il-mument li wieħed ikun wasal biex iħalli din id-dinja, iżda dawk ta’ madwaru jkunu jridu jgawdu ftit ħin aktar magħhom.

Il-ġieħ L-Għanja li Tibqa ngħata lil Mike Spiteri u lil Hooli għall-kontibut taw favur il-kanzunetta Maltija bil-Malti. Mike Spiteri semma’ lill-udjenza żewġ siltiet sinomi miegħu li huma Fejn Tħobb il-Qalb u Fjura fil-Kantina. Intant Hooli interpreta il-kanzunetti Mument tas-Skiet u Dak Iż-Żmien – din tal-aħħar għadha kemm ġiet imnieda ġimgħa ilu.

Il-mistiedna speċjali kienet Michela Galea, rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2018 bil-kanzunetta Mhux Kulma Jleqq Hu Deheb.

Ippreżentat is-serata tal-festival Corazon Mizzi.

L-Għanja tal-Poplu organizzaw il-festival flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal u bil-kollaborazzjoni ta’ L-Akkademja tal-Malti. L-Għanja tal-Poplu hi megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement. Il-Malta Concert Orchestra b’40 mużiċist taħt id-direzzjoni tal-Mro Paul Abela u l-Mro Joe Brown tat is-sehem tagħha f’dan il-festival  b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.