Awdjo: Twissija biex dan ma jerġax jiġri – Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li l-kommemorazzjoni tal-ħelsien tal-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau hija tifkira u riflessjoni tal-biża’. Stqarr li jemmen li dan huwa pelegrinaġġ spirtwali li għandu jagħmel kull persuna. Huwa qal li din il-kommemorazzjoni għandha tkun twissija, għaliex ma nitgħallmux mill-istorja b’mod awtomatiku.

Huwa qal li tul dawn l-aħħar 75 sena saru għadd ta’ ġenoċidji oħra, kien hemm għadd ta’ massakri u kellna għadd ta’ kampijiet ta’ konċentrament.

Il-Ministru Bartolo spjega li meta l-bniedem jitlef l-umanità kapaċi jkun mostru ma’ nies oħra, kif turi l-istorja. Huwa fisser li huwa dejjem importanti li biex dan ma jerġax jiġri hemm bżonn li nħarsu lejn il-valur tal-ġid komuni li jkun mibni fuq tliet kolonni fosthom diversità, id-drittijiet tal-bniedem u l-inklużjoni. Huwa spjega li dejjem għandu jkun hemm rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, u kull ħidma trid tkun msejsa fuq dawn il-pilastri anke fil-ħajja ta’ kuljum.

Huwa qal li meta nħallu tirbaħ l-firda u d-differenza narawha bħala theddida jew periklu, nibdew ma narawhomx iżjed bħala persuna u nirriduċhom f’oġġett ta’ mibegħda.