Awdjo: Trid tistenna sena biex tara dentist f’Mater Dei

Persuna li għandha bżonn tara dentist għal check-up fl-isptar Mater Dei trid tistenna iktar minn sena. Dan minħabba l-lista twila ta’ stennija fil-klinika dentali tal-isptar.
Meta Newsbook.com.mt ċempel il-klinika tas-snien f’Mater Dei għal appuntament, it-tweġiba kienet li l-appuntamenti li jmiss huma għal iktar minn sena oħra.
Intant, f’każ ta’ uġigħ qawwi t-tabib jista’ jirreferi l-pazjent għal din il-klinika u l-appuntament jitmexxa l-quddiem għax jiġi kkunsidrat bħala emerġenza.
Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom ma jistgħux iħallsu biex imorru fi klinika privata u għaldaqstant kellhom jagħmlu appuntament fl-isptar Mater Dei. Qalu li huwa inaċċettabbli li ngħataw appuntament għal sena u xahrejn oħra.
Oħrajn esprimew id-diżappunt li fi tmiem il-ġimgħa l-klinika dentali f'Mater Dei tkun miftuħa biss is-Sibt sas-siegħa ta' waranofsinhar.