Awdjo: Tpaxxa b’tiżwieqa ta’ mużika u kuluri waqt Earth Garden

Il-mużika etnika, arti ażjatika u ħafna kuluri se jżewwqu d-disa’ edizzjoni ta’ Earth Garden.
Reuben Spiteri, wieħed mill-organizzaturi ta’ dan il-festival li issa sar jattira eluf ta’ nies, tkellem ma’ Newsbook.com.mt u spjega kif din is-sena, Earth Garden se jerġa’ jpaxxi l-widnejn u jagħti palata lis-sensi.
Din is-sena, se jispikkaw il-bands barranin. Aktar minn 10 bands se jkun Malta għal dan il-festival u ġejjin minn kull parti tad-dinja, fosthom l-Arġentina, il-Messiku u Franza.
Waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali se jkun perkussjonista ta’ fama mondjali mill-Iran.
Reuben spjega li minn meta tfasslet din il-ħolma, grazzi wkoll għal Desmond Vella u Peter Paul tat-Tribali, l-attendenza tan-nies dejjem żdiedet.
“Sar ħafna progress minn sena għal oħra u inbidlu ħafna affarijiet,” insista Reuben, “iżda l-għeruq tagħna baqgħu dejjem l-istess”.
L-ewwel biljetti għal ‘campsite’ inbiegħu fi ftit minuti u l-organizzaturi ta’ Earth Garden qed jistennew attendenza ta’ madwar 20,000 ruħ.
L-edizzjoni ta' Earth Garden ta' din is-sena se jsir bejn il-5 u s-7 ta' Ġunju fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali.

Ritratti: Tonio Lombardi