Awdjo: Toroq maqlugħin f’Marsalforn; ‘ġejjin it-turisti u se jmorru lura’

Sid ta' negozju f'Marsalforn jibża' li se jitlef il-bejgħ u r-reputazzjoni tiegħu

Sid kumpanija tal-bugħaddasa f’Marsalforn qal li minħabba l-istat tat-toroq f’Marsalforn bħalissa jibża’ li t-turisti li se jkunu ġejjin hemm ftit ġranet oħra se jmorru lura x’ħin jaraw it-taqlib li hemm b’għajnejhom.

George Vella mill-Calypso Diving Centre qal lil Newsbook.com.mt li s-sitwazzjoni mhix aċċettabli. Spjega li x-xogħol fuq it-toroq beda f’Novembru u li se jibqa’ sejjer sal-aħħar ta’ Lulju. Qal li fadal ħafna xi jsir.

Vella spjega li fi tmiem il-ġimgħa se terġa’ tifaħ lukanda li hemm fil-qrib. Irċieva informazzjoni li 60% tal-kmamar tagħha se jkunu okkupati – però għalissa mhux mit-tursiti peress li l-ajruport għadu magħluq.

Kompla jgħid li l-ġimgħa d-dieħla se jaslu l-ewwel turisti klijenti tiegħu. Jibża’ li kif dawn jaraw is-sitwazzjoni tat-toroq ħa jgergru, imorru lura, jew inkella jmorru x’imkien ieħor. Vella qal li apparti mit-telf tad-dħul tiegħu dawn it-turisti jistgħu anke jwasslu biex jitlef ir-reputazzjoni tiegħu.

Jemmen li hemm ftit wisq ħaddiema jaħdmu fuq il-proġett – illum jgħid li kien hemm biss erba’. Qal ukoll li hemm periklu għan-nies u għall-vetturi.

Tkellem mal-Pulizija li ċemplu lill-Kunsill Lokali li ċemplu lill-Ministeru għal Għawdex li ċemplu lil min qed jieħu ħsieb il-proġett. Fi kliem Vella ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbilità.

Reċentament tħabbar li mhux se jkun jista’ jsir xogħol ta’ skavar u twaqqigħ f’żoni turistiċi bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru.

Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li dan qed isir minħabba l-inkonvenjent li joħolqu siti ta’ kostruzzjoni fuq dawn l-inħawi. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ddeċidiet liema huma dawn iż-żoni turistiċi.

Ritratti: George Vella