Awdjo: Kitbiethom tiġbidhom lejn Malta

Festival ta’ letteratura, mużika, films, kotba magħmulin bl-idejn u diskussjonijiet dwar temi kurrenti, bħall-isfidi tal-migrazzjoni jew il-kunflitti madwar id-dinja, kif miktuba minn artisti mill-erba’ rkejjen tad-dinja.
Dan, u aktar, wieħed jista’ jsibu fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta li wieħed jista’ jgħid sar attività stabbilità fil-kalendarju kulturali Malti, hekk kif jinsab fit-12-il edizzjoni tiegħu.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Leanne Ellul, kittieba u organizzatriċi ta’ Inizjamed li torganizza l-festival.
Leanne tkellmet dwar l-aħħar tlitt ijiem tal-festival, il-ġranet li fihom il-pubbliku jkun jista’ jattendi għall-festival u jiltaqa’ mal-kittieba filwaqt li jisma’ siltiet mill-kitbiet tagħhom, imżewġin kultant ma’ mużika u films li jagħtu l-ħajja lill-poeżija u l-proża.
Sena wara l-oħra l-festival jibqa’ jissemma għall-għadd ta’ kittieba mistiedna li jkunu qed jagħmlu isem madwar id-dinja kollha.
Fost l-oħrajn dis-sena hemm kittieba mill-Palestina, il-Bożnja, il-Lussemburgu, it-Tuneżija u saħansitra mill-Mjanmar. Ta’ min wieħed jinnota li wħud minn dawn il-kittieba huma rikonoxxuti mal-Ewropa bħala l-ilħna li l-aktar qed iħawdu fil-borma letterarja, biex ngħidu hekk.
Barra dawn hemm il-kittieba Maltin li se jkunu qed jingħaqdu mal-barranin f’din l-esperjenza. Fost l-oħrajn, Alfred Sant, Immanuel Mifsud, John Aquilina u Mark Camilleri.
U għal min forsi jaqra bil-Malti biss, tajjeb jingħad li dawn il-kittieba se jkunu ilhom minn ġimgħa qabel jaqilbu x-xogħol ta’ xulxin għall-Malti u l-Ingliż, biex b’hekk il-festival ikun aċċessibbli lingwistikament għal kulħadd.
Avveniment li mhuwiex biss għal min huwa midħla tal-lettaratura u l-arti l-oħra, iżda anki għal min jixtieq jesperjenza kulturi u modi ġodda kif tħares lejn ir-realtà, dejjem bl-għodda tal-kelma, in-nota mużikali jew iċ-ċaqliq viżiv.
It-tnax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta se jsir nhar il-Ħamis 24, il-Ġimgħa 25 u s-Sibt 26 t’Awwissu fil-Forti Sant’Iermu mit-8pm ’il quddiem.
Id-dħul għall-festival huwa b’xejn.
“Il-letteratura tilgħab irwol importanti fil-kultura ta’ pajjiż” – Bonnici
Sadanittant, fi stqarrija l-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta huwa wieħed mill-11-il organizzazzjoni oħra li qed tibbenefika mill-Cultural Partnership Agreement.
Aċċenna għall-fama li kiseb il-festival tul is-snin fuq skala internazzjonali.
Ritratti: Virginia Monteforte