Awdjo: “Tlifna s-sens tal-Karnival Malti” – Immanuel Mifsud

Wasal iż-żmien tal-karnival, żmien li jippermetti l-bluha li matulu naraw diversi tfal u adulti jilbsu ħwejjeġ ikkuluriti u ta’ karattri differenti.  
Madankollu l-karnival mal-medda tas-snin ħa forom differenti.
Matul dawn l-aħħar snin l-Akkademja tal-Malti qajmet mill-ġdid it-tradizzjoni antika tal-Qarċilla.
F’kumment ma’ Newsbook.com.mt Immanuel Mifsud, l-awtur tal-qarċilla, qal li ma jaħsibx li llum il-ġurnata għandna l-esperjenza tal-karnival awtentiku, kif kien isir fil-passat.
Spjega li l-karnival oriġinali ma kellux x’jaqsam ma’ karrijiet li jitfgħu n-nies fuq il-bankina jħarsu lejhom.
Il-karnival, li jiġi ċċelebrat qabel ir-Randan, kien jippermetti li n-nies jiċċelebraw u jiffangaw qabel iż-żmien ta' sagrifiċċju u awsterità tar-Randan.
Mifsud iħoss li dan l-aspett huwa nieqes mill-karnival tal-lum il-ġurnata.
Il-qarċilla kienet parti minn dan ir-ritwal li kien jaqleb id-dinja ta’ taħt fuq.
Matul dawk il-ftit jiem in-nies li ma kellhomx poter fl-istruttura soċjali kienu jisfidaw in-normi soċjali kollha, inkluż ir-reżistenza tagħhom lejn il-poter.
Il-qarċilla kienet farsa fit-toroq li kienet tippreżenta kuntratt ta' ż-żwieġ bejn koppja quddiem in-nutar 
Matulha kien isir diskors satiriku u sesswali relatat mal-okkażjoni.
L-iktar qarċilla antika li nafu biha, hija miktuba minn qassis Bormliż, Dun Feliċ De Marco. Din tilħaq il-qofol tagħha mhux biss minħabba d-daħk, imma minħabba d-doppju sens u ċ-ċajt goff li fiha.
Din is-sena l-qarċilla ħa ssir nhar is-Sibt 6 ta’ Frar u l-Ħadd 7 ta’ Frar fi Pjazza San Ġwann il-Belt Valletta u nhar it-Tnejn 8 ta’ Frar fil-Forti Sant’Anġlu, il-Birgu.
Il-kitba hija ta’ Immanuel Mifsud u produzzjoni u direzzjoni ta’ Joseph Galea.